Il-Qorti waqqfet il-proċeduri kontra raġel ta’ 40 sena, li ma jistax jissemma minħabba ordni tal-Qorti, wara li martu mifruda qalet li ma riditx tkompli bil-każ li fetħet kontrih.
Ir-raġel kien ġie arrestat u mixli li fastidja lil martu, heddidha, insulentaha u kkaġunalha biża’ li seta’ juża vjolenza kontrieha. Hu kien mixli wkoll b’użu ħażin ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.
L-Ispettur Christian Cauchi spjega fil-Qorti li l-mara kienet ressqet rapport mal-Unità tad-Domestiċi aktar kmieni din il-ġimgħa. Hija allegat li sabet li żewġha kien qed isegwiha b’apparat elettroniku, wara li hu stess kien skopra li kienet qed ikollha relazzjoni ma’ persuna oħra li kien qrib tagħhom.
Il-prosekuzzjoni sostniet ukoll li r-raġel kien bagħat messaġġi ta’ insulti lill-mara permezz ta’ WhatsApp. L-arrest tiegħu ma ġiex ikkontestat u r-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi.
Waqt is-seduta, l-avukat tal-allegata vittma, Francesca Zarb, infurmat lill-Qorti li l-klijenta tagħha xtaqet ttemm il-proċeduri. Din l-intenzjoni ġiet ikkonfermata wkoll mill-mara stess taħt ġurament.
Il-Qorti laqgħet it-talba tagħha u għalhekk il-proċeduri ġew imwaqqfa.
L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal-akkużat. L-avukat Francesca Zarb dehret parte civile.