Żagħżugħ ta’ 25 sena minn Spanja, Marc Agiula Perez, ingħata piena ta’ ħabs sospiża u multa wara li ammetta li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol u b’mod perikoluż f’San Ġiljan fil-jiem li għaddew.
Perez tressaq il-Qorti tal-Maġistrati taħt arrest u kien akkużat li bejn it-3:30am u l-4:30am kien qed isuq Kia bajda fi Triq Dun Mikiel Anton Vassalli b’mod negliġenti u perikoluż. Huwa ġie mixli wkoll li kien qed jikkontrolla l-vettura waqt li kien xurban jew taħt l-effett tad-droga, kif ukoll li qabeż il-limitu legali tal-alkoħol.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi kollha u kkonferma l-ammissioni tiegħu quddiem il-qorti.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco kkundannatu għal tliet xhur ħabs, sospiżi għal sena, u ħarġet ordni sabiex iħallas multa ta’ €500. Barra minn hekk, il-liċenzja tas-sewqan tiegħu ser tkun skwalifikata għal perjodu li l-qorti tqis xieraq.
L-Avukat Sarah Celiberti dehret għall-akkużat, filwaqt li l-Ispettur Dylan Pace mexxa l-prosekuzzjoni.