Il-Quws quddiem il-Qorti: Mixli b’tiri ta’ pistola, pussess ta’ kokaina u theddid fuq familja

Melvin Debono magħruf bħala il-Quws tressaq il-Qorti mixli li spara arma tan-nar f’Raħal Ġdid u hedded li joqtol it-tfal tar-raġel li kien f’argument miegħu dwar flus

Nhar it-Tlieta wara nofsinhar, Melvin Debono, magħruf bħala il-Quws, deher quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fejn tressaq b’lista twila ta’ akkużi.

Fosthom, huwa akkużat li spara  arma illegali b’mod malizzjuż, li kellu pussess illegali ta’ arma tan-nar u kokaina, li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza, li hedded u insulta persuni permezz ta’ apparat elettroniku, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika, kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u hu recidiv.

L-ispettur Gabriel Kitcher xehed li l-każ seħħ meta ċivili rrappurtaw li semgħu diversi tiri fi Triq f’Raħal Ġdid u marru jinfurmaw lill-għassa tal-Pulizija.

Il-vittma – li l-identità tiegħu ma tistax tixxandar b’ordni tal-Qorti – qal lill-investigaturi li ftit qabel kien fuq telefonata ma’ Debono dwar somma ta’ flus. Ix-xhieda sostniet li Debono stedinhom id-dar tiegħu biex jiddiskutu l-kwistjoni.

Skont ix-xhieda, meta wasal, sab lil il-Quws b’pistola f’idu u spara diversi tirii fit-triq. Il-Pulizija waslu fuq il-post ftit wara, iżda l-akkużat irrifjuta li jiftaħ u ma riedx joħroġ mill-ewwel. Eventwalment, wara diskussjonijiet u pressjoni mill-ispetturi, Debono ċeda u ta ruħu f’idejn il-Pulizija.

Matul il-proċess ta’ investigazzjoni, il-Pulizija ġabru filmat li ħadet l-għarusa tal-vittma fejn jidher il-Quws jbandal pistola waqt l-argument.

Barra minn hekk, recording tal-konversazzjoni telefonika bejn Debono u l-vittma ntwera lill-investigaturi. Fih, l-akkużat allegatament jgħid ċar: “Nimlilek lit-tfal bit-tiri.” Din il-frażi wasslet lill-Pulizija biex jieħdu l-każ b’aktar serjetà minħabba theddid diretti lejn żewġt itfal tal-vittma.

Fil-Qorti, id-difiża mmexxija minn Franco Debono sostniet li l-arrest kien invalidu għax l-akkużat ma ngħatax id-drittijiet legali tiegħu. Huwa insista wkoll li ma kienx infurmat bir-raġuni tal-arrest u għalhekk dan kellu jitqies bħala null.

Il-Maġistrat issospendiet is-seduta sabiex jinstema’ l-Ispettur Mark Mercieca, li kien wieħed mill-uffiċjali li arrestaw lil Debono. Mercieca xehed li fil-10:15 p.m. qallu ċar li kien taħt arrest u spjegalu d-drittijiet tiegħu. Sostna wkoll li l-akkużat kien agitat u ma tax kas ta’ dak li kien qed jgħidlu.

Wara argumenti twal bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża, il-Qorti kkonkludiet li l-arrest sar skont il-liġi u għalhekk baqa’ validu.

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest min-naħa tad-difiża, iżda l-Qorti ordnat ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur il-vittma u żewġt itfal tiegħu.

Fil-bidu, Debono rrifjuta jiffirma l-ordni ta’ protezzjoni iżda wara twissija serja mill-Maġistrat, eventwalment iffirmaha.

Il-każ tal-lum ma kienx l-ewwel darba li il-Quws sab ruħu fl-aħbarijiet.

Fi Frar ta’ din is-sena, kien ikkawża ħabta b’veloċità għolja waqt li kien qed jaħrab mill-Pulizija, ftit sigħat biss wara li allegatament attakka lill-ħabiba tiegħu f’post pubbliku. Minkejja dan, il-Qorti kienet tatlu l-ħelsien mill-arrest – is-sitt darba li ngħata dan il-privileġġ.

F’Jannar kien ukoll mixli li kiser kundizzjoni ta’ 'curfew' impost fuqu bħala parti mill-ħelsien mill-arrest f’każijiet preċedenti.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Gabriel Kitcher, filwaqt li d-difiża qiegħda f’idejn l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Anthea Bonnici Zammit.

More in Qrati u Pulizija