Mara tingħata sentenza sospiża wara li ammettiet li għamlet abort

Mara li xtrat pilloli tal-abort ingħatat piena ta’ 22 xahar ħabs sospiżi għal sentejn

Mara ġiet ikkundannata b’sentenza sospiża wara li ammettiet li għamlet abort.

Il-qorti ġiet infurmata li l-mara ta’ 28 sena marret l-isptar f’Novembru 2024 wara li ħassitha fil-uġigħ, fejn qalet lit-tobba li kienet għamlet abort. Jidher ili l-mara kienet xtrat il-pilloli tal-abort mill-internet.

Il-mara tressqet taħt ċitazzjoni u wieġbet ħatja. Il-qorti tat piena ta’ 22 xahar ħabs, sospiżi għal sentejn.

L-Ispetturi Wayne Buhagiar u Ian Vella ipproċedew. Il-prokuratur legali Peter Paul Zammit deher għall-akkużata.
 

Doctors for Choice: Il-professjonisti tas-saħħa mhumiex obbligati jirrapportaw każijiet ta’ abort
 

It-tobba Isabel Stabel u Natalie Psaila Stabile, f’isem Doctors for Choice, qalu li huma diżappuntati bit-tobba fl-Isptar Mater Dei li rrappurtaw lill-pazjenta tagħhom lill-pulizija, fi ksur ċar tal-protezzjoni tad-dejta u l-kunfidenzjalità.

“Il-pazjenti għandhom ikunu jistgħu jafdaw li t-tabib se jaġixxi fl-aħjar interess tagħhom,” huma qalu.

Qalu li Doctors for Choice m’għandhomx kuntatt mal-persuna kkonċernata u li jiddispjaċihom li l-avukat tagħha ma kkunsidrax li jikkuntattjahom biex joffrulha appoġġ.

“Din hija problema reali għax 600 mara kull sena qed jirriskjaw ħajjithom. Il-messaġġ li din is-sentenza tagħti lin-nisa li jagħmlu abort hu li jibqgħu d-dar u jsofru l-konsegwenzi, anke jekk tfisser mewt. Dan hu inaċċettabbli.”

Huma fakkru wkoll lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa li m’għandhomx obbligu li jirrapportaw każijiet ta’ abort.

More in Qrati u Pulizija