Raġel Taljan li kien qed jiġi mfittex b’rabta ma’ serqa ta’ arloġġi ta’ valur għoli f’Tas-Sliema, ġie estradit lejn Malta minn Ruma biex jaffaċċja l-akkużi fil-Qorti.
L-inċident seħħ fit-23 ta’ Frar 2020, meta żewġ persuni sfaw aggrediti u misruqin minn żewġ ħallellin li kienu fuq mutur fi Triq Sir Adrian Dingli, Tas-Sliema. Wieħed mill-ħallellin niżel mill-mutur, ħarab lejn il-vittmi u ħataf arloġġ tad-ditta minn idejn wieħed minnhom qabel ma ħarbu minn fuq il-post.
Il-mutur li ntuża fl-attakk instab wara ftit mill-Pulizija qrib il-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan.
Wara investigazzjoni, wieħed mill-ħallellin, raġel Taljan ta’ 50 sena, ġie arrestat u akkużat bħala kompliċi fis-serqa. F’Diċembru li għadda, ġie kkundannat għal seba’ snin priġunerija wara li nstab ħati mill-Qorti.
Il-kompliċi l-ieħor, li kien ħarab lejn l-Italja, ġie arrestat hemmhekk u skont Mandat ta’ Arrest Ewropew, inġieb Malta tard il-Ħamis bil-lejl eskortat mill-Pulizija Maltija.
It-Taljan se jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Dr Charmaine Galea LL.D. fejn se jinstema’ l-każ tiegħu.