Aġġornata bi stqarrija tal-Labour
Il-Qorti tal-Appell tikkonferma r-rebħa ta’ Carmelo Abela fil-libel kontra Jason Azzopardi nhar l-Erbgħa rigward l-allegazzjonijiet tas-serqa tal-HSBC.
F’Settembru li għaddha, il-qorti ddeċidiet li Azzopardi kien għamel malafama lil Abela wara li ħamġu mas-serqa tal-HSBC li seħħet fl-2010, u Azzopardi kellu jħallas id-deputat Laburista €7,000 f’kumpens.
L-avukat Jason Azzopardi appella din id-deċiżjoni imma l-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni oriġinali li ħarġet mingħand l-Imħallef Lawrence Mintoff.
Azzopardi kiteb fuq Facebook li lest li jieħu dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani f’Strasburgu imma l-ewwel irrid jiftaħ kawża kostituzzjonali hekk kif il-Qorti Ewropea titlob li l-każ jinstemma quddiem kull qorti nazzjonali qabel.
L-appell ġie miċħud għax ma kienx iġġustifikat u kien hemm nuqqas ta’ evidenza sabiex isostnu d-dikjarazzjonijiet li Azzopardi kien ippubblika dwar Abela. Il-qorti qalet li l-kummenti kienu difamatorji u mhux espressjoni ta’ opinjoni.
Il-kontroversja bejn iż-żewġ irġiel toriġina minn post fuq Facebook fl-2021, fejn Azzopardi ħameġ lil Abela mas-serqa li ma rrnexietx tal-fergħa tal-HSBC f’Ħal Qormi fl-2010. Dak iż-żmien, Abela kien impjegat tal-istess bank.
Għalkemm Azzopardi ma semmiex lil Abela b’ismu, il-qorti rrimarkat li seta’ jkun identifikat faċilment. Is-sentenza kkonsidrat ukoll li l-bank qatt ma ħa azzjoni kontra Abela fir-rigward tal-inċident, u fil-fatt kien laħaq f’kariga għola.
L-akkużi kienu bdew minn Vince Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu”, li kien allega li ministru kien kompliċi fis-serqa, u semma kemm lil Carmelo Abela kif ukoll lil Chris Cardona bħala persuni li taw struzzjonijiet biex is-serqa fil-kwartieri ġenerali tal-HSBC iseħħ.
Għaldaqstant, il-qorti saħqet li l-akkużi kienu bbażati fuq allegazzjonijiet minn kriminali magħrufa. Carmelo Abela dejjem ċaħad kull konnessjoni mas-serqa falluta.
Fi stqarrija li ħarget il-Labour, qalu li issa huwa għal kollox ikkonfermat li l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien qed jigdeb meta allega li d-Deputat Laburista Carmelo Abela kien involut f’hold-up fuq bank ewlieni f’pajjiżna. Il-Qorti tal-Appell dalgħodu ssiġillat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li turi kif l-allegazzjoni tal-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma kienet xejn għajr kalunja.
Huma qalu kif wara li fit-30 ta’ Settembru l-Ewwel Qorti kkonkludiet li Jason Azzopardi kien qabad u fajjar bl-addoċċ, l-eks Deputat Nazzjonalista kien appella fejn qal li saret inġustizzja miegħu għaliex dak li kien esprima kienet “opinjoni onesta”.
Żiedu billi qalu li llum, permezz ta’ sentenza iebsa, il-Qorti tal-Appell qalet li Jason Azzopardi bbaża ruħu fuq artikli fil-gazzetti dwar dak li kien qed jiġi allegat fid-dinja tal-kriminalità organizzata u li fil-fehma tal-Qorti din “ma tista’ qatt tkun il-bażi sabiex tiġi ffurmata l-ebda opinjoni onesta”. Il-Qorti tal-Appell staqsiet “x’onestà hija dik ta’ min ixandar bħala fatt dak li kienu qegħdin jallegaw persuni b’record kriminali kopjuż”, mingħajr ma jistqarr bl-aktar mod ċar li dak li kien iddikjara “kienu biss allegazzjonijiet li saru mill-istess kriminali”.
Skont din l-istqarrija bil-gideb tiegħu, Jason Azzopardi kien xeħet dell inġust fuq Carmelo Abela u għadda lil Abela u lill-għeżież tiegħu minn martirju sħiħ. Din is-sentenza tikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista jagħti kenn u jilqa’ fi ħdanu lil min f’pajjiżna jaħseb li għandu dritt divin li jaqbad jivvinta fuq in-nies.
Huma għalu billi qalu li mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista llum huwa fl-istat li jinsab – immexxi mill-estremisti li lesti jirrikorru għall-agħar tattiċi ta’ kattiverija biex jippruvaw jirbħu lura l-poter li tant jgħixu għalih. Illum għandna konferma sagrosanta – Carmelo Abela huwa politika integru, il-Partit Nazzjonalista spiċċa għaqda ta’ gideb.