L-Avukat Mario Mifsud ressaq kawża kostituzzjonali f’isem Daniel Muka, fejn sostna li l-klijent tiegħu qed jiġi mċaħħad minn smigħ xieraq, minħabba li ma kellux biżżejjed żmien biex iħejji difiża adegwata. Il-kawża ġiet ippreżentata fit-Tlieta, 17 ta’ Ġunju, u nstemgħet illum fil-Qorti.
Mifsud ġie maħtur biex jirrappreżenta lil Muka ftit jiem qabel il-ġuri beda, wara li dan tal-aħħar talab li jinbidel l-avukat tal-għajnuna legali tiegħu, Josette Sultana. Skont l-argument ta’ Mifsud, Muka ma kellux fiduċja fil-konsulenza legali li kellu u kien hemm ukoll problemi finanzjarji li ma ppermettulux iħallas għal avukat privat. Kien proprju fl-12 ta’ Ġunju li Muka kkuntattja lil Mifsud biex jirrappreżentah, u wara li ħa ftit żmien jaħsibha, l-avukat aċċetta fil-14 ta’ Ġunju – tlett ijiem biss qabel beda l-ġuri.
It-Tnejn li għadda, Mifsud ressaq talba sabiex jingħata ftit żmien biex jaral-atti u jħejji d-difiża tiegħu. Din it-talba kienet miċħuda kważi immedjatament. Minkejja dan, Mifsud xorta deher fil-bidu tal-ġuri u reġa’ għamel l-istess talba – iżda anke din id-darba ġiet rifjutata.
L-għada filgħodu, Mifsud informa lill-qorti li ressaq rikors kostituzzjonali u reġa’ talab li tingħata pawża qasira sabiex ikun jista’ jipprepara ruħu. Din it-talba ġiet miċħuda wkoll, u għalhekk l-avukat irrinunzja milli jkompli jirrappreżenta lil Muka fil-ġuri, għax qal li ma setax jagħmel dan b’mod serju u professjonali mingħajr preparazzjoni.
Fil-Qorti, Mifsud spjega kif Muka kien esprima diversi drabi li jħossu żvantaġġat meta jingħata avukat mill-Istat, u għalhekk għażel li jfittex rappreżentanza privata. Madanakollu, hu sostna li, “għamel x’għamel Muka, għandu d-dritt għal smigħ xieraq,” jiġifieri mhux biss prosekuzzjoni soda, imma wkoll difiża b’saħħitha.
Il-Maġistrat Henri Mizzi nnota li s’issa f’idejh kellu biss żewġ rikorsi u talab lil Mifsud jispjegalu t-timeline tal-każ. L-avukat wieġeb li Muka ilu arrestat għal ħames snin.
Min-naħa tiegħu, l-avukat Nicholas Mifsud qal li anke l-avukat tal-għajnuna legali li kien hemm f’dak il-mument ma kienx preparat – fatt li deher fl-assenza ta’ kontra-eżamijiet – u wisq inqas Mario Mifsud li daħal fil-każ tlett ijiem qabel il-ġuri.
Il-prosekuzzjoni argumentat li l-każ kellu jibda f’Mejju 2023, iżda ġie pospost għal Ottubru wara li l-avukati tal-akkuzat irrinunzjaw. Minkejja l-ħin mogħti, Muka ma għażilx avukat privat. Eventwalment ingħata l-għajnuna legali ta’ Dr Micallef Stafrace, iżda anke din ir-relazzjoni spiċċat b’tensjoni u l-avukat irrinunzja wkoll.
Il-prosekuzzjoni insistiet li l-akkużat kien rappreżentat legalment f’diversi stadji tal-proċess u li bidliet ripetuti fl-avukati kumplikaw il-kors tal-ġuri.
Minkejja dan, Mario Mifsud insista li l-proċess kif inhu mhux ġust.
Fil-konklużjoni tas-seduta tal-lum, il-Qorti ddeċidiet li se tagħti d-deċiżjoni tagħha in camera, minħabba n-natura sensittiva tal-proċeduri.