George Degiorgio, wieħed mill-irġiel ikkundannati għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017, ressaq talba urġenti lill-Qorti sabiex jitħalla jagħti x-xhieda tiegħu taħt ġurament fil-kors tal-inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja dwar il-qtil tagħha.
Degiorgio, li bħalissa qed iservi sentenza ta’ 40 sena ħaabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia, ġie wkoll ikkundannat għal għomor ħabs fil-każ tal-qtil ta’ Carmel Chircop.
Issa, huwa talab lill-maġistrat inkwirenti biex jingħata l-opportunità li jikxef dak li sejjaħ "informazzjoni kruċjali" relatata mal-bomba li qatlet lil Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017 fi Triq il-Bidnija.
Fil-preżentazzjoni legali tiegħu, Degiorgio sostna li qed jagħmel dan b’mod volontarju, mingħajr ma qed jitlob xi benefiċċju personali. Huwa qal li dan il-pass sar wara li nstab ħati fil-każ ta' Chircop, u li kien informa lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud bl-intenzjoni tiegħu li jgħid kollox dwar il-bomba.
Degiorgio tenna li l-għan tiegħu hu li dawk verament involuti jitressqu quddiem il-ġustizzja, u li ħadd ma jbati bla ħtija. Sostna wkoll li ma qed ifittex l-ebda tnaqqis fis-sentenza jew xi tip ta’ vantaġġ.