Ħames persuni, inkluż ċittadini Taljani, Spanjoli u Ingliżi, ġew arrestati mill-Pulizija f’konnessjoni ma’ importazzjoni, traffikar u pussess ta’ droga f’żewġ operazzjonijiet separati mwettqa l-ġurnata ta’ qabel.
L-ewwel operazzjoni saret għall-ħabta tal-1:30 ta’ filgħodu fi Triq Antonio Sciortino, l-Imsida, wara ġimgħat ta’ osservazzjoni u investigazzjonijiet intensivi. Il-Pulizija segwew moviment suspettuż ta’ raġel Taljan ta’ 29 sena, li deher dieħel f’appartament fil-viċin b’pouch f’idu u ħiereġ ftit minuti wara. Ir-raġel twaqqaf u ġie miżmum fuq il-post, filwaqt li l-Pulizija daħlu fl-appartament, fejn sabu raġel u mara Spanjoli, it-tnejn ta’ 29 sena.
Matul tfittxija fuq il-persuni involuti kif ukoll fl-appartament, instab ammont ta’ sustanzi suspettati li jinkludu kokaina, ketamina, kannabis u pilloli oħra, b’valur stimat ta’ madwar €6,000.
It-tieni operazzjoni seħħet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bl-assistenza tad-Dwana. Waqt kontrolli ta’ rutina, l-uffiċjali nnutaw żewġt irġiel Ingliżi, ukoll ta’ 29 sena, jġibu ruħhom b’mod suspettuż qabel ma għaddew minn screening tal-X-Ray. Saret tfittxija fil-bagalji tagħhom, fejn instabu diversi pakketti li kienu fihom sustanza suspettata kokaina u ketamina, kif ukoll pilloli oħra.
Huma nżammu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana, u erbgħa minnhom mistennija jitressqu l-Qorti llum fil-11:30 a.m. quddiem il-Maġistrat Dr Astrid May Grima.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin