’Il fuq minn 150 riċediv qed jiskontaw sentenza definita l-ħabs

Skont il-Ministru Byron Camilleri, hemm ‘446 persuna qegħdin jiskontaw sentenza definita u minnhom hemm 154 li kienu diġà skontaw priġunerija’

Hemm 154 riċediv il-ħabs li bħalissa qed jiskontaw sentenza definita
Hemm 154 riċediv il-ħabs li bħalissa qed jiskontaw sentenza definita

Jidher li bħalissa hemm ’il fuq minn 150 riċediv il-ħabs li qed jiskontaw sentenza definita, jiġifieri sentenza li t-tmiem tagħha huwa magħruf. 

Preċiżament, hemm 154 riċediv il-ħabs li bħalissa qed jiskontaw sentenza definita. 

Dil-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

Fil-mistoqsija tiegħu, Carabott staqsa lill-Ministru “kemm-il persuna hemm preżentement fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li għandha sentenza definita, u kemm minn dawn huma riċedivi”. 

Kważi 450 persuna qed jiskontaw sentenza definita 

Il-154 riċediv li qed jiskontaw sentenza definita huma parti minn grupp ikbar ta’ ħabsin li wkoll għandhom sentenza definita. 

Skont l-informazzjoni li ta l-Ministru Camilleri fil-Parlament “sal-11 t’April 2025 hemm 446 persuna li qegħdin jiskontaw sentenza definita u minnhom hemm 154 li kienu diġà skontaw priġunerija.” 

Il-Ministru ma jwiġibx il-mistoqsija fl-intier tagħha 

Iżda ta’ min jinnota li l-mistoqsija kollha ta’ Carabott ma ġietx imwieġba, hekk kif il-Kelliem tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll biex il-Ministru “jipprovdi tabella u jagħmel elenku tar-reati, anke jekk differenti mill-ewwel reat, li għalihom huma riċedivi”. 

Fit-tweġiba tiegħu l-Ministru ma pprova l-ebda tabella jew elenku. Fl-istess ħin, Camilleri ma rrikonoxxiex dik il-parti tal-mistoqsija u ma qalx il-għala ma ddeċidiex iweġibha. 

More in Qrati u Pulizija