Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra s-sitt individwi akkużati b’serq tad-drogi mill-propjetà tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) bdiet illum.
Is-sitt suspettati huma Sean Attard, Carlos Pace, Yousef Essesi, Cleaven Pace, Christa Gauci, u Liam Stewart. Bħalissa huma akkużati b’serq, traffikar tad-droga, u pussess ta’ sustanzi misruqin.
Separatament, Stewart huwa akkużat bil-pussess u t-traffikar tar-raża tal-kannabis, tal-kannabis, u dak li jaħsbu huwa kokaina. Huwa akkużat ukoll b’sewqan mingħajr liċenzja u li għamel ħsara lil vettura oħra.
Għall-bidu kien irrappurtat li nsteraq 226kg ta’ raża tal-kannabis iżda skont l-investigazzjonijiet li saru ħareġ li fil-verità insteraq 132kg.
Minn dak li ħareġ fil-qorti permezz ta’ filmati tas-CCTV u tax-xhieda, jidher li l-ħallelin għamlu użu minn żewġ karozzi, Toyota Belta u Toyota Vitz, li nqabdu mis-CCTV qed isiqu mill-mini ta’ Ħal Kirkop fil-lejla tas-serqa.
Barra minn hekk, is-suspettati nqabdu mis-CCTV jiġru madwar il-propjetà tal-AFM bejn nofsillejla u s-2:30am u li ħarġu minn hemm b’baskijiet tax-xiri mimlijin bid-drogi misruqa. Huwa rrappurtat li daħlu ġewwa l-propjetà billi qatgħu toqba fl-ilqugħ li jdur madwar il-barracks.
Skont l-investigazzjonijiet, ħareġ li Attard, Pace, u Essesi nqabdu mis-CCTV jittrasferixxu d-drogi misquri. Essesi nqabad ukoll ibagħbas xi pjanċi tal-vetturi.
Il-Vitz imbagħad intużat biex tagħmel spazju għal vettura griża oħra biex tintuża ħalli tittrasporta d-drogi għall-garaxx ta’ Attard f’Ħaż-Żebbuġ.
Data maħruġa mill-mobile ta’ Gauci kixfet li hi kienet preżenti waqt is-serqa għal sagħtejn sħaħ kif ukoll għall-vjaġġ kollu minn Ħal Safi għal Ħaż-Żebbuġ.
L-avukat tad-difiża Franco Debono tefa’ dubji fuq l-akkreditazzjoni tal-laboratorju forensiku fejn saret l-eżaminazzjoni tal-evidenza, fejn staqsa lill-espert forensiku Godwin Sammut fejn jinstab il-laboratorju u jekk huwiex akkreditat.
Sammut wieġeb li l-laboratorju jinstab fl-Università ta’ Malta u li jinstab fil-proċess biex jiġi akkreditat.
L-akkużati kollha ġew miċħuda mill-ħelsien mill-arrest.
Il-każ qed jidher quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo u l-prosekuzzjoni hija mmexxija mill-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Maria Francesca Spiteri.