Iktar minn 700 persuna jinstabu fil-ħabs ta’ Kordin

665 raġel u 59 mara bħalissa qegħdin fil-faċilità korrettiva • 447 persuna qed jiskontaw is-sentenza filwaqt li 277 qegħdin taħt arrest preventiv

Il-maġġoranza ta’ persuni fil-ħabs qed jiskontaw sentenza ta’ inqas minn 12-il xahar
Il-maġġoranza ta’ persuni fil-ħabs qed jiskontaw sentenza ta’ inqas minn 12-il xahar

Hemm iktar minn 700 mara u raġel fil-faċilità korrettiva f’Kordin, qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

B’kollox jidher li hemm mas-665 raġel u mad-59 mara li bħalissa jinstabu l-ħabs. Minn dawn, “hemm 447 persuna li qed jiskontaw sentenza filwaqt li preżentement hemm 277 persuna taħt arrest preventiv fil-ħabs,” spjega Camilleri. 

Dawn iċ-ċifri ġew ikkwotati fil-Parlament mill-Ministru wara li ġie mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Graziella Galea propju dwar dan is-suġġett. 

Apparti dawn, jidher li hemm tmint irġiel fl-Isptar Monte Karmeli; tlett irġiel fi sptarijiet diversi; 26 raġel u mara waħda fi programmi ta’ rintegrazzjoni soċjali u riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga; u 15-il raġel u żewġ nisa fis-Centre of Residential Restorative Services. 

Intant, jidher illi kien hemm żieda ċkejkna ta’ persuni sentenzjati mill-aħħar tal-2024 ’l hawn. Fil-fatt, il-Ministru ġie mistoqsi mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem Carmelo Mifsud Bonnici dwar kemm kien hemm persuni qed jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-ħabs fl-aħħar ta’ Diċembru 2024. 

Camilleri wieġeb billi jgħid li “fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 kien hemm 431 persuna li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.” 

Din iċ-ċifra turi wkoll li kien hemm żieda sinifikanti ta’ nies sentenzjati mill-aħħar tal-2023 sal-aħħar tas-sena l-oħra. Fil-fatt, l-istess Ministru wieġeb li “fl-aħħar ta’ Diċembru 2023 kien hemm 395 persuna li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.” 

Minkejja dan kollu, jidher illi l-maġġoranza assoluta ta’ sentenzi huma ta’ inqas minn sena.  

Meta ġie mistoqsi minn Bonnici dwar in-numru ta’ sentenzi li huma inqas minn 12-il xahar, Camilleri wieġeb li dis-sena hemm b’kollox 471 persuna li qed jiskontaw sentenza ta’ inqas minn sena fil-ħabs. 

Dan juri wkoll li minn Diċembru tal-2024 ’l hawn, kien hemm żieda ta’ 40 persuna fil-ħabs. B’hekk nistgħu naraw ukoll li hemm rata pjuttost mgħaġġla ta’ kemm deħlin u ħerġin nies mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

More in Qrati u Pulizija