![[AĠĠORNAT] Infermiera feruta wara inċident vjolenti fl-Isptar Mater Dei](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/jpb_6902.jpg)
Missier u iben jinstabu ħatja bil-qtil ta’ Brandon Pace
Kurt Grech u missieru Joseph jinstabu ħatja minn ġuri għall-qtil ta’ Brandon Pace, ġuvni ta’ 21 sena

More in Qrati u Pulizija
Kurt Grech u missieru Joseph jinstabu ħatja minn ġuri għall-qtil ta’ Brandon Pace, ġuvni ta’ 21 sena
Kurt u Joseph Grech instabu ħatja bil-qtil ta’ Brandon Pace, ġuvni ta’ 21 sena, li qatluh b’daqqiet ta’ sikkina f’April tal-2017. Ir-reat twettaq quddiem l-appartament tal-vittma fi Triq Giovanni Barbara, Il-Ħamrun.
Il-ġuri wasal għall-verdett tiegħu wara tmien sigħat ta’ deliberazzjoni nhar it-Tnejn. Sitt ġurati sabu l-akkużati ħatja filwaqt li tlieta vvutaw bil-kontra.
Kurt Grech, li għandu 31 sena u li huwa magħruf bħala “n-Nemes”, u missieru Joseph, li għandu 61, ħa jiġu ssentenzjati fil-jiem li ġejjin. Il-missier u l-iben, li huma minn Tal-Pietà, huma akkużati b’omiċidju volontarju, pussess illegali tas-skieken, ksur tal-paċi pubbliku, u theddid t’omm il-vittma, Lisa Pace, u s-sieħba tiegħu, Jessica Bilocca.
Il-qtil huwa r-riżultat ta’ żmien twil ta’ tensjonijiet bejn il-familja Grech u Pace, primarjament minħabba kwistjonijiet dwar it-tifel ta’ Kurt Grech. L-eks sieħba ta’ Grech daħlet f’relazzjoni ma’ Pace u dan wassal għal tensjonijiet kbar bejn l-akkużat u l-vittma. Fil-fatt, Grech qal lill-pulizija li Pace kien jittratta lil ibnu ħażin.
Meta seħħ l-omiċidju, inqalgħat ġlieda bejn iż-żewġ familji, fejn intqalu numru ta’ insulti u anka twaddab xi madum mill-gallarija qabel ma s-sitwazzjoni eskalat vjolentament.
Skont ix-xhud, Pace ħareġ mill-appartment ħafi u b’żaqqu barra biex jikkonfronta ‘l-missier u l-iben, fejn imbagħad faqqgħat ġlieda bejn Pace, Kurt u Joseph Grech, u Bilocca. Pace u l-missier u l-iben Grech kienu kollha armati b’sikkina. Il-ġlieda spiċċat bi Pace jaqa’ mal-art hekk kif Kurt Grech qabeż fuqu.
Omm il-vittma xhiedet li rat lill-missier, Joseph Grech, jagħti daqqa sikkina lil binha f’dahru, fejn hi werżqet, “qatluh, qatluh!” Il-missier imbagħad irrisponda, kiesaħ u biered, “ħalluh imut.” Kurt Grech ammetta mal-pulizija li ta daqqa sikkina lil Pace iżda qal li kien qed jiddefendi ruħu wara li Pace ħebb għalih.
Il-ġuri unanimament ikkundana lill-missier u l-iben b’pussess illegali tas-skieken flimkien ma’ kundanna unanima għal Kurt Grech ta’ ksur tal-paċi pubbliku.
Id-difiża argumentat li Kurt Grech ħa miegħu żewġ skieken mhux biex joqtol iżda għax kien jaf li Pace huwa allegatament vjolenti u b’hekk beda jibża’ għal ħajtu. L-avukat tad-difiża Edward Gatt pinġa lil Grech bħala missier iddisprat li pprova jipproteġi lil ibnu mill-influwenza ħażina ta’ Pace.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, argumentaw li l-attakk kien premeditat u li l-missier u l-iben kellhom l-intenzjoni biex joqtlu.
L-avukati Rachel Tua u Ishmael Psaila rrappreżentaw il-familja tal-vittma, filwaqt li t-tim tad-difiża kien jikkonsisti mill-avukati Roberto Montalto, Katheleen Grima, u Edward Gatt.