Raġel ġie akkużat b’attakk sesswali wara li eks kollega tiegħu qalet li stupraha. Il-Qorti semgħet kif l-inċident, li seħħ Ottubru li għadda, involva lill-akkużat, raġel ta’ 30 sena, u l-vittma. It-tnejn kienu jaħdmu fl-istess kumpanija tal-gaming.
L-akkużi kontra r-raġel huma ta’ stupru, li żamm il-vittma kontra r-rieda tagħha, u li għamel atti sesswali fuqha minħajr il-kunsens tagħha. L-akkużat ċaħad l-akkużi kollha.
Waqt il-proċedimenti, l-avukat tad-difiża Edmond Cuschieri talab għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel minħabba l-fatt li l-inċident seħħ erba' xhur ilu. Fil-fatt, il-vittma għamlet rapport fil-25 ta’ Jannar.
Għaldaqstant il-prosekuturi argumentaw kontra t-talba minħabba l-fatt li l-akkużat jaf fejn toqgħod il-vittma peress li darba ordnalha taxi. Barra minn hekk, il-vittma għadha ma xehditx fil-proċediment.
Il-prosekuzzjoni argumentat ukoll li l-inkriminazzjoni tal-akkużat seħħet tard minħabba l-fatt li instab madwar jumejn ilu biss u li l-akkużat m’għandux indirizz fiss. Min-naħa tagħha, id-difiża rribattiet billi qalet li l-ineffittività tal-pulizija m’għandhiex tkun raġuni għalfejn l-akkużat ma jinħelisx mill-arrest.
Għaldaqstant il-qorti ddeċidiet kontra t-talba tal-ħelsien mill-arrest. Iżda laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ protezzjoni u projbizzjoni fuq ix-xandir ta’ isem il-vittma. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace aċċettat iż-żewġ talbiet.
Il-prosekuzzjoni hija mmexxija mill-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Danika Vella, kif ukoll l-ispetturi Dorianne Tabone u Godwin Scerri.
L-avukat tad-difiża Edmond Cuschieri rrappreżenta l-akkużat.