Raġel ta’ 28 sena jinsab f’kundizzjoni kritika wara li waqa’ minn għoli ta’ tliet sulari minn gallarija f’lukanda f’San Pawl il-Baħar, it-Tlieta filgħaxija.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7:30pm. f’lukanda fi Triq ir-Ramel. Minn investigazzjonijiet preliminari, irriżulta li r-raġel, ta’ nazzjonalità Indjana u residenti fl-istess lukanda, waqa’ minn gallarija fiċ-ċirkostanzi li għadhom mhux ċari.
Fuq il-post issejħet tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel, qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, huwa ġie ċertifikat li sofra ġrieħi li jistgħu jkunu fatali.
Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia inieda inkjesta dwar il-każ, filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.