Yorgen Fenech, Ray Aquilina se jiffaċċjaw ġuri fuq ħasil ta’ flus u korruzzjoni

Il-Maġistrat Rachel Montebello tiddeċiedi li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex Yorgen Fenech u l-eks uffiċjal tal-pulizija Ray Aquilina jiffaċċjaw ġuri fuq ħasil ta’ flus u korruzzjoni

(Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
(Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

Yorgen Fenech u Ray Aquilina, l-eks kap tal-unit tal-pulizija kontra l-ħasil tal-flus, se jiffaċċjaw ġuri fuq akkużi relatati mal-ħasil tal-flus u korruzzjoni, wara deċiżjoni tal-maġistrat.

Fenech irritorna l-Qorti l-Erbgħa, ftit jiem biss wara li ħareġ mill-Faćilita’ Korrettiva ta’ Kordin, aktar minn ħames snin wara l-arrest tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qed jwieġeb mhux ħati.

Ray Aquilina, jinsab mixli b’korruzzjoni, ġurament falz, ħruġ ta’ sigrieti uffiċjali kif ukoll ħasil ta’ flus, filwaqt li Yorgen Fenech, qed jiffaċċja akkużi ta’ kompliċità fil-korruzzjoni ta’ uffiċjal pubbliku u ħasil ta’ flus.

Aquilina kien inizjalment arrestat fl-2021 fil-kuntest ta’ investigazzjoni fuq uffiċjali tal-gvern u tal-pulizija li potenzjalment kienu ħarġu informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia lill-persuni suspettati – inkluż lil Melvin Theuma.

Dan seħħ fi żmien meta Fenech kellu jiġi investigat mill-eks superintendent b’rabta mas-sidien ta’ 17 Black. Il-ġenituri ta’ Aquilina kellhom jidhru bħala x-xerrejja.

Aquilina kien f’kariga maniġerjali ġewwa Enemalta wara li rriżenja mill-Korp tal-Pulizija, iżda m’għadux jokkupa dik il-kariga.

Mario Bugeja, nutar, ukoll tressaq b’akkużi relatati ma’ ħasil tal-flus. It-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Matul is-seduta, il-Maġistrat Rachel Montebello semgħet rappreżentant tal-Kunsill Nutarili ta’ Malta jispjega r-rwol tal-kunsill u d-dmir tan-nutara li jivverifikaw id-dettalji tal-persuni u l-kumpaniji involuti f’kuntratt.

Uffiċjali tal-Qorti ppreżentaw diversi files bħala parti mid-dokumenti tal-kawża.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Sean Friggieri bl-assistenza tal-avukati Andrea Zammit u Gary Cauchi mill-Uffiċċu tal-Avukat Đenerali.

L-avukat Charles Mercieca deher għal Fenech. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Bugeja. L-avukat Lennox Vella deher għal Aquilina.

More in Qrati u Pulizija