Żagħżugħ ta' 24 sena mill-Imtarfa jitlef ħajtu f'inċident fatali fil-mini ta' Ħal Kirkop

Christ Gatt, żagħżugħ ta' 24 sena mill-Imtarfa, ġie identifikat bħala l-vittma ta' inċident fatali tat-traffiku li seħħ fil-mini ta' Ħal Kirkop it-Tnejn filgħaxija

Christ Gatt, żagħżugħ ta' 24 sena mill-Imtarfa, ġie identifikat bħala l-vittma ta' inċident fatali tat-traffiku li seħħ fil-mini ta' Ħal Kirkop it-Tnejn filgħaxija.

Skont il-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9pm fi Triq l-Ewwel Titjira, Ħal Luqa.

L-investigazzjonijiet preliminari juru li l-vittma, li kien qed isuq BMW griża, tilef il-kontroll tal-vettura, baqa' dieħel f'barriera ċentrali, u spiċċa fi struttura tal-konkos fil-karreġġjata l-oħra.

Il-Pulizija, tim mediku u uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru mill-ewwel fuq il-post tal-inċident, iżda s-sewwieq ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Passeġġier ieħor ta' 24 sena, ukoll mill-Imtarfa, ittieħed b'urġenza l-Isptar Mater Dei u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud nieda inkjesta u ħatar esperti sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

Dan l-inċident huwa wieħed minn sensiela ta' traġedji tat-traffiku li seħħew matul din is-sena. Kmieni din is-sena, Alejandro Brincat ta' 25 sena tilef ħajtu wara li baqa' dieħel f'sinjal tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Ħ'Attard.

Fi inċident separat, raġel Taljan ta' 36 sena miet wara li baqa' dieħel f'ħajt fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Barra minn hekk, mara Nepaliża ta' 24 sena tilfet ħajjitha wara li nqatlet minn pick-up truck f'Ħaż-Żabbar ix-xahar li għadda.                 

More in Qrati u Pulizija