Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Huwa ngħata l-libertà proviżorja madwar ġimagħtejn ilu aktar minn ħames snin wara l-arrest tiegħu b’rabta mal-qtil tal-2017. Fid-digriet tagħha ta’ pleġġ, il-Qorti ordnat lil Fenech iħallas depożitu ta’ €80,000 u stipulat li z-zija tiegħu, Moira Fenech, taġixxi bħala garanzija għalih. L-ishma tagħha fil-Grupp Tumas qed jintużaw bħala kollateral biex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.
Il-Qorti ordnatlu jibqa’ mill-inqas 50 metru ‘l bogħod mill-kosta jew minn ajruport. Fenech irid jiffirma bail book kuljum fl-għassa ta’ San Ġiljan u josserva curfew strett, u jibqa’ ġewwa bejn il-5pm u l-11am.
Biex tkun żgurata l-konformità, Fenech se jkun taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation u jrid joqgħod biss fl-indirizz mogħti lill-qorti.
L-avukat difensur Charles Mercieca kien indika li l-proċess għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu kien se jieħu ‘xi żmien’, u li kien għaddej proċess biex ikun żgurat li l-garanziji meħtieġa biex tingħata l-libertà proviżorja jkunu lesti.