‘M’hemmx inġustizzja akbar minn dik li persuna tkun għamlet żmien il-ħabs imbagħad tinstab mhux ħatja’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Avukat Franco Debono dwar xi jfisser li persuna jingħata ħelsien mill-arrest, u kif

L-aħbar li Yorgen Fenech ingħata l-ħelsien mill-arrest il-Ġimgħa sbieħ filgħodu qajmet diskussjoni fil-pajjiż, flimkien ma’ reazzjonijiet differenti. Il-gazzetta ILLUM iddur fuq Franco Debono, avukat kriminali li m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni, u tistaqsi jekk ħelsien mill-arrest bħal dan hux ġustifikat. 

Jitkellem ma’ dan il-ġurnal, Debono mill-ewwel għamilha ċara li hu mhux se jitkellem fuq l-ebda każ partikolari, iżda b’mod ġenerali spjega r-raġuni għaliex il-Qrati jħossu l-bżonn li jagħtu ħelsien mill-arrest. 

“Bail huwa release pending trial. Is-sistema tal-ġustizzja penali toħloq safeguards biex persuna li għad trid tigi ġġudikata ma tqattax żmien il-ħabs bil-possibbiltà li mbagħad tiġi lliberata mill-akkużi jew teħel sentenza mhux ta’ ħabs u allura tkun seħħet waħda mill-akbar inġustizzji immaġinabbli,” beda jispjega Debono. 

Huwa qal li m’hemmx inġustizzja akbar minn dik li persuna tkun għamlet żmien il-ħabs imbagħad tinstab mhux ħatja, u aktar ma jkun twil iż-żmien, aktar tkun kbira l-inġustizzja. 

“Il-Qrati tagħna ma jagħtux bail bl-addoċċ, iżda (jagħtuhom) wara li jeżaminaw il-każ bir-reqqa, u jimponu kundizzjonijiet xierqa u stretti sabiex jassiguraw li r-retta amministrazzjoni tal-gustizzja tiġi rrispettata,” Debono temm jgħid mal-ILLUM. 

Fl-istess waqt Debono qal fuq il-midja soċjali illi huwa jifhem il-weġgħat ta’ kulħadd u għalhekk b’empatija, mhux tant se jitkellem. 

Fakkar kif meta bħala deputat Nazzjonalista ppropona riforma ħolistika fil-ġustizzja, fl-intern u fil-kostituzzjoni li maż-żmien qabel magħha kulħadd u ġiet aċċettata. 

“Kieku minflok tgħajjir sibt sapport minn ċerti nies dak iż-żmien, mill-Gvern, seta’ jsir ħafna iktar. Minn dak iż-żmien ħafna riformi saru. Min jifhem jaf,” qal Debono. 

F’post ieħor, Debono spjega kif l-element essenzjali ta’ smigħ xieraq huwa li ġuri jsir f’atmosfera trankwilla u oġġettiva lil hinn mill-għagħa li jkun qajjem ir-reat fejn is-socjetà b’mod ġenerali u l-midja tesprimi ruħha u ħafna drabi r-rabja, kif kulħadd għandu kull dritt. 

“Tant hu hekk li kif jintgħażlu l-ġurati, l-ewwel twissija tal-Imħallef dejjem tkun – ‘Insew dak kollu li smajtu jew qrajtu qabel dħaltu hawn ġew. Insewh. Clean slate. tridu tiġġudikaw biss u biss fuq li se tisimgħu hawn ġew.’ Din twissija standard li tisma’ f’kull ġuri,” qal Debono. 

“Issa spjegawli intom kif ġurat jista’ jinsa kulma sema’ u qara jekk il-ġuri jsir sena wara r-reat!?” 

“Sa sena wara, ir-reat, speċjalment jekk ikun serju, ikun għadu frisk f’moħħ il-ġurati u forsi jkunu għadhom impressjonati b’li qraw jew b’li semgħu.  

Dik mhix ġustizzja. U dan mhux fl-interess tal-akkużat iżda fl-interess suprem tal-ġustizzja u biex jiġu evitati miscarriages of justice.” 

 

Yorgen Fenech jingħata l-ħelsien mill-arrest aktar minn ħames snin wara l-arrest tiegħu 

Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ingħata l-ħelsien mill-arrest il-Ġimgħa filgħodu, aktar minn ħames snin wara l-arrest tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia fl-2017. 

Il-Maġistrat Edwina Grima ħarġet id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest waqt seduta fil-Qorti. Il-Qorti ordnat lil Fenech iħallas depożitu ta’ €80,000, filwaqt li zitu Moira Fenech se toffri garanzija. L-ishma tagħha fil-kumpanija Tumas Group se jintużaw bħala garanzija biex ikun żgurat li Fenech jimxi mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

Il-Qorti ordnat lil Fenech biex iżomm distanza ta’ mill-inqas 50 metru mill-kosta jew minn kull ajruport. Huwa se jkollu jiffirma kuljum fl-għassa tal-pulizija f’San Ġiljan u josserva curfew strett bejn il-5 pm u l-11 am. 

Biex tiġi żgurata l-konformità, Fenech se jkun taħt superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation u għandu jgħix biss fl-indirizz provdut lill-Qorti. F’seduta preċedenti, Tumas Group offriet propjetà qrib ir-residenza ta’ zijuh, li l-Qorti approvat bħala r-residenza allokata għal Fenech. Pulizija se tkun stazzjonata barra din il-propjetà 24 siegħa kuljum. 

Id-dokumenti tal-passaport u l-identifikazzjoni ta’ Fenech ġew ikkonfiskati mill-Qorti. Barra minn hekk, huwa ġie pprojbit milli jikkomunika max-xhieda tal-prosekuzzjoni, inklużi figuri ewlenin bħal Melvin Theuma, il-middleman li sar xhud tal-Istat, u l-Eks Kap tal-Istaff tal-Prim Ministru Keith Schembri. 

Bħala miżura ta’ protezzjoni, qraba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jkunu koperti b’ordni ta’ protezzjoni maħruġa mill-Qorti hekk kif il-każ ikompli. 

Proċess kontroversjali u kritika mill-familja Caruana Galizia. 

Fenech, negozjant prominenti u werriet tal-grupp Tumas, qed jiċħad l-akkużi li jorbtuh mal-assassinju ta’ Caruana Galizia. Huwa wkoll qed jaffaċċja akkużi f’diversi każijiet kriminali separati. 

Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017 f’attakk b’karozza bomba viċin ir-residenza tagħha fil-Bidnija. Dan il-qtil ikkawża xokk madwar Malta u lil hinn, u wassal għal protesti u skrutinju internazzjonali fuq l-istat tad-dritt fil-pajjiż. 

Fenech kien arrestat lejn l-aħħar tal-2019 b’rabta mal-qtil. L-arrest tiegħu kien akkumpanjat minn kriżi politika li rat lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, jirriżenja fost akkużi ta’ rabtiet tal-gvern mal-każ. 

More in Qrati u Pulizija