Is-sewwieq ta' trakk involut f’inċident traġiku li fih tilef ħajtu Karmnu Micallef ta’ 71 sena, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin wara li nstab ħati li kkawża l-mewt ta’ Micallef b’mod involontarju.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, sabet lil Davide Manunta ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, inkluż omiċidju involontarju u sewqan traskurat.
Micallef kien ġie ċċertifikat mejjet wara li ġie mgħaffeġ mit-trakk waqt li kien qed jgħin lil Manunta jimmanevra ġo triq dejqa f’Birżebbuġa. Esperti kkonkludew li t-triq kienet wisq dejqa għal dak it-tip ta’ trakk. Skont ix-xhieda, Micallef kien intlaqat diversi drabi qabel ma Manunta nduna b’dak li kien ġara.
Filwaqt li kkunsidrat l-akkuża ta’ omiċidju involontarju, il-Qorti osservat li Manunta, waqt li kien qed jimmanevra l-vettura, kien konxju li l-vittma kien qrib ħafna tal-vettura. Il-Qorti rrimarkat li Manunta kellu joqgħod attent mhux biss biex jevita ħsara lill-vettura, imma wkoll biex jara fejn kien jinsab il-vittma li kien qed jgħinu. Madanakollu, din l-attenzjoni neċessarja ma ġietx osservata, u b’hekk ġara dan l-inċident traġiku.
Manunta nstab ħati u ngħata sentenza sospiża. Barra minn hekk, ġie ordnat iħallas €3,963.82 bħala spejjeż tal-Qorti.
Fl-istess ġurnata, il-Qorti laqgħet talba mill-familja ta’ Micallef biex il-Pulizija jiġu ordnati jieħdu passi kriminali kontra l-impjegati ta’ G&P Borg Limited, li kienu l-impjegaturi kemm ta’ Manunta kif ukoll ta’ Micallef.
L-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb dehru għal Manunta.