Raġel meħlus minn akkużi ta' logħob tal-azzard illiċitu minħabba żball proċedurali

Fost oħrajn, il-Qorti osservat li filwaqt li ċ-ċertifikat tal-akkuża kien qed jirreferi għas-6 ta’ Diċembru 2004, ir-rejd li wassal għal dan il-każ seħħ jum wara, fis-7 ta’ Diċembru 2004 • Din hija t-tielet darba li l-akkużat ġie meħlus minn akkużi simili

Raġel ta’ 61 sena mill-Ħamrun ġie meħlus minn akkużi relatati ma’ logħob tal-azzard illiċitu u l-operat ta’ każinò minn bar fil-Marsa, wara li żball proċedurali u inammissibilità ta’ dikjarazzjoni li kien ta lill-pulizija wasslu biex il-Qorti sabet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex jiġi kkundannat.

Din hija t-tielet darba li l-akkużat ġie meħlus minn akkużi simili.

Il-Qorti osservat li filwaqt li ċ-ċertifikat tal-akkuża kien qed jirreferi għas-6 ta’ Diċembru 2004, ir-rejd li wassal għal dan il-każ seħħ jum wara, fis-7 ta’ Diċembru 2004.

Fil-fatt, l-Ispettur Ray Aquilina kkonferma li waqt ir-rejd, l-akkużat instab wara l-bank tal-bar, fejn il-pulizija sabu wkoll tabella li kienet tinkludi informazzjoni dwar tiġrijiet taż-żwiemel ippjanati għal dik il-ġurnata.

Madankollu, il-Qorti nnotat li ċ-ċertifikat tal-akkuża qatt ma ġie emendat biex jirrifletti dan il-fatt. Dan ifisser li l-Qorti kellha tistħarreġ jekk l-evidenza ppreżentata mill-prosekuzzjoni kinitx biżżejjed biex tikkonferma l-ħtija, skont il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-ċertifikat tal-akkuża.

Referenza importanti kienet għal dikjarazzjoni li l-akkużat kien ta lill-pulizija fis-7 ta’ Diċembru 2004. F’dik id-dikjarazzjoni, huwa kien wieġeb għadd ta’ mistoqsijiet b’tali mod li nnega lilu nnifsu. Madankollu, id-difiża sostniet li l-akkużat ma kienx ingħata d-dritt li jkun megħjun minn avukat qabel jew waqt l-interrogazzjoni.

Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti nnutat li dikjarazzjoni magħmula mingħajr l-assistenza legali mhux neċessarjament twassal għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Madankollu, tali dikjarazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ fatturi oħrajn, biex jiġi stabbilit il-valur probatorju tagħha.

Il-Qorti kkonkludiet li d-dikjarazzjoni tal-akkużat ma setgħetx titqies bħala evidenza valida, billi kienet il-fattur deċiżiv f’dan il-każ. Konsegwentement, ma setax jiġi stabbilit li kien hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużat jiġi meqjus ħati lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Huwa diġà kien meħlus minn każijiet simili fl-2023. F’wieħed minnhom, kien ġie akkużat b’logħob tal-azzard illegali, iżda ċ-ċertifikat tal-akkuża kien fih indirizz li ma jaqbilx mal-indirizz imsemmi mix-xhieda. F’każ ieħor fl-istess sena, huwa kien meħlus minn akkużi li kien qed jopera każinò bla liċenzja minn garaxx fil-Marsa, wara li l-prosekuzzjoni indikaw indirizz żbaljat fil-karti tal-akkuża.

L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu qed jiddefendu lill-akkużat f’dan il-każ.

More in Qrati u Pulizija