Raġel ta’ 26 sena jinsab taħt arrest wara li ġie ssuspettat li kien involut f’attivitajiet illegali relatati ma’ ħasil ta’ flus u bejgħ ta’ prodotti foloz, fosthom arloġġi, ġojjelli u basktijiet ta’ marki magħrufa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija bdew wara rapport anonimu li daħal dwar riklam fuq TikTok, fejn is-suspettat kien qed jippromwovi l-bejgħ ta’ arloġġi foloz, bil-ħlas jintalab biss fi flus kontanti. Dan l-aġir kien meqjus bħala indikazzjoni ta’ ħasil ta’ flus.
Matul l-investigazzjonijiet, il-Pulizija sabet li l-istess raġel kien qed jirreklama wkoll installazzjonijiet illegali ta’ dwal u sireni fuq vetturi privati. Is-suspettat ġie arrestat waqt li kien qed isuq karozza mhux irreġistrata u mhux liċenzjata, mgħammra b’dawn l-apparati u b’sirena attivata.
F’raid li sar fid-dar tiegħu, il-Pulizija sabet numru ta’ oġġetti suspettużi. Fosthom kien hemm arloġġi, basktijiet u ġojjelli foloz, kif ukoll dwal, sireni, u kannezzi ta’ pepper spray li kienu diġà ippreparati għall-bejgħ. Barra minn hekk, instab ammont ta’ flus kontanti, karti tal-flus foloz u diversi karti ta’ kreditu foloz. Skont dak li ġie żvelat mill-investigazzjonijiet, dawn il-pagamenti kienu qed isiru permezz ta’ valuri crypto.
L-investigazzjonijiet komplew jikxfu li ż-żagħżugħ kien ukoll allegatament involut fil-bejgħ ta’ droga fuq id-Dark Web, kemm f’Malta kif ukoll barra mill-pajjiż.
Is-suspettat huwa mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello biex iwieġeb għal dawn l-akkużi serji.