Ronnie Farrugia, raġel ta’ 64 sena minn Bormla, ġie kkundannat għal tliet snin ħabs wara li ammetta akkużi ta' pussess u tixrid ta' materjal pornografiku tat-tfal lejn partijiet terzi fl-aħħar ġranet ta' Ottubru 2024.
L-ispettur qal lill-Qorti kif il-Pulizija bdiet tinvestiga lil Farrugia wara tliet rapporti mibgħuta lill-unit tal-cybercrime mill-NCMEC (National Center for Missing and Exploited Children) ibbażata fl-Istati Uniti, li kixfet l-attivitajiet tiegħu fuq il-midja elettronika.
Oriġinarjament, Farrugia kien inħeles mill-arrest wara li l-Qorti kienet informat lill-prosekuzzjoni u lid-difiża li ma setgħetx tikkundanna lill-akkużat fl-istess ġurnata li nġieb il-qorti.
Fil-12 ta’ Novembru 2024, Farrugia ammetta l-akkużi li tressqu kontrih, u għalhekk il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, ikkundannatu għal tliet snin ħabs għal pussess u ċirkulazzjoni ta’ materjal pornografiku tat-tfal.
Bi talba tal-prosekuzzjoni, il-Qorti ordnat ukoll li isem Farrugia jiġi reġistrat fir-reġistru tal-persuni li wettqu reati sesswali.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-ispetturi Elton Buckingham u Carl Pace.