Tfajla ta’ 22 sena ġiet immultata €1,000 wara li tellgħet filmat fuq il-midja soċjali li fih għamlet ċajta dwar l-idea li jinħaraq ċirku li kien qed jopera fil-kumpless Splash and Fun, wara li ddisturbat ruħha minħabba l-użu ta’ papra ħajja waqt spettaklu.
Il-Qorti sabet li l-kummenti tagħha setgħu joħolqu biża’ fost l-impjegati taċ-ċirku.
Il-Qorti semgħet kif f’Diċembru tal-2022, Sarah Micallef Angelica Grech attendiet wirja fil-kumpless Splash and Fun, li matulha wieħed mill-artisti uża papra ħajja. Grech bdiet tgħajjat biex jieqaf, u rrapportat l-inċident lill-Pulizija kif ukoll lid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.
Ftit jiem wara, hija tellgħet filmat fuq Instagram fejn dehret titkellem ma’ kelb u tgħid, “Should we go burn the circus? For legal purposes that’s a joke… maybe” (Tgħid immorru naħarqu ċ-ċirku? Għall-finijiet legali din ċajta… forsi).
Id-direttur ta’ Splash and Fun, Patrick Vella, irrappurtaha lill-Pulizija, fejn sostna li l-filmat ta’ Grech kien ħoloq biża’ fost l-artisti taċ-ċirku, b’uħud minnhom anke xtaqu jitilqu.
Dwar il-każ tal-papra, Vella xehed li ma kienx preżenti għal dan l-inċident iżda saħaq li l-artist ma kellux permess juża l-papra. Huwa qal li dan l-artist tkeċċa u, bħala direttur, ħallas għal veterinarju biex jiċċekkja li l-papra kienet f’saħħitha, u eventwalment il-papra rritornat għand il-bidwi li minn għandu ttieħdet. Żied jgħid li kien immultat ukoll madwar €2,000 b’rabta ma’ dan l-inċident.
Id-difiża ta’ Grech argumentat li l-filmat kien wieħed satiriku, peress li kienet tidher titkellem ma’ kelb waqt il-filmat.
Madankollu, il-Qorti ma qablitx ma’ dan l-argument, u qalet li fil-kuntest tad-diżappunt ta’ Grech dwar l-użu tal-papra, hija kienet qisha ħalliet f’idejn is-segwaċi tagħha biex jinterpretaw jekk kliemha kienx theddida jew le.
Filwaqt li imponiet il-multa fuq Grech, il-Qorti qieset l-età żgħira tagħha u l-fatt li għandha kondotta nadifa. Minbarra l-multa, hija ġiet marbuta b’garanzija ta’ €2,000 għal għaxar xhur biex ma ddejjaqx jew tgħajjar lil Patrick Vella.