Travis Xuereb, ta’ 31 sena minn Santa Venera, ammetta li hedded lill-Kummissarju Ewropew Helena Dalli, kif ukoll personalitajiet Maltin oħra li jaħdmu fuq ir-radju.
Huwa kien imressaq il-Qorti wara li fil-31 ta’ Lulju ħalla fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra tal-familja Dalli f’Marsascala, basket bid-droga u nota ta’ theddida. L-avukat tal-familja qal li l-familja Dalli kienet tinsab imwerwra u xtaqu wkoll protezzjoni.
Quddiem il-Magistrat Yana Micallef Stafrace, il-pulizija qalet li l-akkużat qalhom li ra lill-boxer Conor McGregor ħiereġ mir-residenza u xtaq iħallilu rigal. Qal li ma kienx jaf li r-residenza hija tal-familja Dalli u ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel ħsara.
Il-Qorti semgħet kif din ma kinitx l-ewwel darba li Xuereb hedded xi persuni. Huwa ammetta li hedded xi personalitajiet tar-radju, wara li kien jisma xi diskuzzjoni u kien jahseb li qed jirreferu ghalih.
Id-difiża ddikjarat li l-akkużat huwa skizofreniku u jeħtieġ kura psikoloġika. Xuereb kien rikoverat diversi drabi fl-Isptar Monte Karmeli.
Kawża ta’ dan, il-Qorti ordnat li Xuereb jingħata ordni ta’ trattament minn psikjatra fl-isptar Monte Karmeli, bis-sentenza tingħata wara.
Il-Magistrat Yana Micallef Stafrace ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-familja Dalli u l-persuna l-ohra li huwa hedded permezz ta’ Facebook.
Xuereb din is-sena tressaq il-Qorti wkoll wara li wettaq atti ta’ fastidju fuq mara. Huwa kien beda jsus warajha u jtiha bosta rigali quddiem id-dar tagħha f’Ħal Balzan, wara li għamel kuntatt magħha fuq il-midja soċjali.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispettur Stephan Gulia. L-Avukati Roberto Spiteri u Micheal Sciriha qed jidhru għal Travis Xuereb filwaqt li għal familja Dalli qed jidhru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.