AĠĠORNATA | Jiġi arrestat l-allegat aggressur li weġġa' serjament bi flixkun mara f'bajja f'San Ġiljan

Il-Pulizija arrestat ir-raġel maħsub illi fera tfajla li kienet qed tgħum f'San Ġiljan l-Erbgha filgħodu

Dan l-artiklu ġie aġġornat il-Ħamis fl-10:23am bl-aħħar informazzjoni tal-każ.

Il-Pulizija arrestat ir-raġel suspettat li ta daqqa ta’ flixkun tal-ħġieġ lil mara f’bajja f’San Ġiljan.

Nhar l-Erbgħa, il-pulizija qalet li kienet għaddejja bi tfittxija għal persuna wara li mara Kolumbjana ta’ 25 sena kienet ferita gravi f’bajja biswit id-Dragonara f’Paceville.

L-uffiċjali qabdu lir-raġel għall-ħabta tat-8pm f’Pembroke, meta raw persuna li kienet taqbel mad-deskrizzjoni tas-suspettat. Huwa twaqqaf u kien arrestat immedjatament.

Aktar tard irriżulta li r-raġel taħt arrest huwa wkoll ta’ nazzjonalità Kolombjana.

Bħalissa huwa qed jinżamm fil-lock-up tal-pulizija fil-Furjana hekk kif qed tkompli l-investigazzjoni.

Aktar kmieni l-Erbgħa, il-pulizija qalet li kienet infurmata li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-10am, fuq il-bajja qrib Triq Wilġa f’San Ġiljan.

Skont investigazzjonijiet preliminarji l-mara Kolombjana ta’ 25 sena, li toqgħod Tas-Sliema, kienet ma’ ħabiba fuq il-bajja meta avviċinahom raġel. Huma kellhom argument, u hawn fejn ir-raġel xejjer flixkun imkisser u weġġa’ serjament lill-mara Kolombjana, qalet il-pulizija.

Fuq il-post wasal tim mediku u l-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei għal aktar assistenza medika.

Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia ħatar esperti biex jassistuh f’inkjesta.

More in Qrati u Pulizija