Wara li kielu kemm felħu mill-VITALS, ħadmu biex jitkisser u jidħlu Steward

Illum il-gazzetta oħt MaltaToday qed tippubblika l-inkjesta VITALS  • Jidher ċar li l-interess primarju ta’ Muscat, Schembri u Mizzi ma kienx l-interess pubbliku 

It-Tabib Ġermaniż Armin Ernst li kien Kap Eżekuttiv tal-Vitals u ta’ Steward u kien ħaġa waħda ma’ Muscat, Schembri u Mizzi 

Kien Armin Ernst, il-Kap Eżekuttiv tal-VITALS, li wara li b’mod stramb għall-aħħar sar ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Steward, stinka flimkien ma’ persuni magħrufa f’kastilja biex iħammġu lill-VITALS minn taħt biex dawn ma jiħdux finanzjar minn banek barranin b’konsegwenza li VITALS ikunu kostretti jbigħu faċilment lill-kumpanija Amerikana Steward. Dan sar magħruf mill-gazzetta Illum wara li tkellmet ma’ bosta nies li kienu involuti fl-ewwel fażi ta’ diskussjonijiet tal-konċessjoni lill-VITALS.  

Inkredibbilment, wara li kien hemm min qed jiffanga mill-arranġamenti u l-kuntratti moħbija mal-VITALS, meta indunaw li l-VITALS ma kellhomx is-saħħa u l-kapaċità biex iwasslu, għamlu minn kollox biex b’mod sigriet jgħaddu informazzjoni kunfidenzjali lill-banek barranin bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-VITALS biex b’hekk ifalluhom u ma jiħdux finanzi. Kien għalhekk li daħħlu lill-Steward u żammew l-Armin Ernst, kif ukoll lit-tim tiegħu fit-tmexxija tal-kumpanija.  

Minkejja kollox, dan ma waqqafx il-personalitajiet differenti fosthom il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat, il-Kap tas-Segretarjat Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi milli jkollhom interessi diretti jew indiretti li jista' jkun li kienu jaġevolaw lilhom personalment u fuq kollox iħallulhom flus fil-but.  

Muscat qed jargumenta li ma kienx jaf bit-taħwid ta’ Schembri u Mizzi, minkejja li kien ħaġa waħda magħhom u kienu l-iktar tnejn min-nies viċin tiegħu. Wara li telaq mill-Parlament, mill-ewwel beda jirċievi flus minn kumpanija b’konnessjonijiet diretti ma’ Steward. 

Min-naħa l-oħra Schembri u Mizzi, kif hu kkwotat mill-inkjesta ta’ Gabriella Vella f’dettall kbir, ma ddejqu xejn jikkreaw kumpaniji sigrieti biex ikunu jistgħu jirċievu flejjes kbar. 

Fil-pubbliku l-eks Prim Ministru Muscat qed jistrieħ fuq il-fatt li hu ddikjara l-flus li daħħal imma xejn ma jnaqqas mill-fatt li fl-istess nifs Armin Ernst kien qed jitkellem fuq fond b’miljuni għall-politiċi. U fuq kollox Muscat dejjem ippoppa sidru bħala wieħed li stinka għall-pajjiż meta kien jaf li l-VITALS u Steward ma kienu għamlu xejn u fuq kollox kienu qed jisirqu l-kaxxa ta’ Malta.  

Jidher ċar li l-interess primarju ta’ Muscat, Schembri u Mizzi ma kienx l-interess pubbliku. Bil-maniġġi li saru, li konna nafu ftit fuqhom imma mbagħad ġew konfermati bid-dettall fl-inkjesta, ma nistgħux ma ngħidux li hemm min kellu raġun jgħajjar lill-Gvern – MAFIA STATE.  

Bil-premessa ripetuta ad nauseum li għamlu miraklu ekonomiku għall-pajjiż, qed jimmaġinaw u jistennew li jiġu skolpiti mill-ġudizzju pubbliku u kif ukoll mill-proċess ġudizzjarju. U li jingħataw xi ġieħ għar-regħba infinita tagħhom. 

Illum il-gazzetta oħt MaltaToday qed tippubblika l-inkjesta VITALS, inkjesta li turi bl-iktar b’mod ċar l-istejjer sigrieti li wasslu biex politiċi u nies viċin tagħhom jieklu u jiffangaw minn fuq fondi pubbliċi li suppost marru għas-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna. Il-pubblikazzjoni ta’ Inkjesta Maġisterjali ttieħdet biex ikunu magħrufa l-fatti minn kulħadd.

More in Qrati u Pulizija