Raġel ntbagħat disa’ snin ħabs wara li nstab ħati li fl-2019, stupra mara f’Paceville.
Il-Qorti sabet lil Eyob Melake Ecobagaber mill-Eritrea ħati wkoll talli żamm l-istess mara kontra l-volonta tagħha u darabha ħafif.
L-inċident seħħ fl-2019, f’parkeġġ ta’ diskoteka f’Paceville.
Inizjalment Ecobagaber kien instab ħati għall-akkużi lura fl-2022, u weħel 9 snin ħabs, kif ukoll multa ta’ €3,900.
Ftit wara kien appella s-sentenza minħabba data nieqsa, bil-Qorti tal-Appell tordna biex terġa’ tingħata s-sentenza fil-konfront tiegħu, madwar tliet xhur ilu.
Il-każ kien beda jiġi investigat mill-pulizija wara li l-vittma nstabet tibki f’parkeġġ f’Paceville, fil-lejl tat-23 ta’ Mejju.
Lill-pulizija qalitilhom li ġiet stuprata iżda lill-akkużat gidmitlu wiċċu biex tiddefendi lilha nnifisha. Ecobagaber twaqqaf minn persuni fl-inħawi, u ġie arrestat.
It-tfajla qalet lill-pulzija li flimkien mal-ħabiba tagħha, ħarġet pejjep sigarett meta raġel Franċiż avviċinaha u baqa’ mixi magħha. Huwa sejjaħ lill-akkużat u dan ħataf lil mara, strupraha fuq il-bonnet ta’ karozza, u l-ieħor stupraha mal-art.
Test mediku kkonferma kollox, u instab li l-mara ġarbet ġrieħi kawża ta’ “attakk vjolenti.” Sadanittant, esperti tad-DNA sabu wkoll traċċi tad-DNA tal-akkużar fuq il-ħwejjeġ ta’ taħt tal-vittma.
Il-Qorti qalet li l-persuna l-oħra li ssemmiet qatt ma nstabet, minkejja t-testimonjanza tal-vittma.