Qorti ssib ksur fid-drittijiet tal-PN meta PBS ma xandrux il-vot parlamentari tal-Inkjesta Sofia

Il-Qorti Ċivili tordna lill-Awtorità tax-Xandir u lil TVM biex iħallsu kumpend lill-PN wara li nstab li kien ‘vittma ta’ diskriminazzjoni’

(Mill-Arkivji)
(Mill-Arkivji)

Il-Qorti Ċivili, f’kawża preċeduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, sabet li kemm l-Awtorità tax-Xandir (BA) u s-Servizzi tax-Xandir Pubbliku (PBS), naqsu milli jassiguraw li PBS jirrapporta b’mod imparzjali.

Instab ukoll li l-BA, fil-kapaċità tagħha, “naqset bil-kbir” ukoll meta ċ-Chairperson tal-awtorità Frank Farrugia ma ta l-ebda spjegazzjoni għaliex għaddew disat ijiem sakemm ingħatat id-deċiżjoni fuq il-każ.

L-Imħallef irrimarka li l-BA qablet mal-PN li l-PBS kien naqas fir-rappurtaġġ tiegħu iżda quddiem il-Qorti, iddefendiet lill-PBS billi ressqet prova tan-nuqqasijiet ta’ stazzjonijiet oħra minflok.

F’Awwissu tas-sena l-oħra, il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-PBS u l-BA “b’ċensura”. Huwa qal li din iċ-ċensura saret meta l-familja ta’ Jean Paul Sofia rreaġixxiet bil-qawwi għall-vot tal-Gvern kontra l-ftuħ ta’ inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ.

Waqt li jargumenta li l-PBS naqas milli jirraporta b’mod ibbilanċjat, il-partit talab biex il-Qorti tiddikjara li nkisrulu d-drittijiet fundamentali u tordna l-ħlas ta’ danni bħala kumpens.

Il-BA rribattiet l li l-PN ma kellu l-ebda interess ġuridiku dwar il-filmati li ma xxandrux għax ma kinux jolqtuh direttament.

Minkejja dan, fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Mintoff ma qabilx, u qal illi kieku veru kien hekk, il-BA kienet tastjeni milli tiddeċiedi dwar l-ilment oriġinali tal-PN.

Billi l-PN hu “l-vittma”, il-Qorti ordnat lill- BA u l-PBS iħallsu €2,000 kull wieħed lill-PN.

Il-Qorti ordnat ukoll li t-TVM jrid ixxandar fl-aħbarijiet tat-8pm, mhux aktar tard minn ġimgħa mid-data tas-sentenza, is-sentenza kompluta. L-ispejjeż tal-kawża se jkollhom jitħallsu wkoll mill-BA u l-PBS.

L-avukati Michael Piccinino u Paul Borg Olivier irrappreżentaw lill-PN.

More in Qrati u Pulizija