Negozjant li rrifjuta jagħti kunsens biex ikun estradit l-Isvezja b'rabta ma' akkużi ta' ħasil ta' flus, evażjoni tat-taxxa u frodi; inħeles wara ġimgħa taħt arrest fuq garanzija.
Mohan (magħruf ukoll bħala Michael) Bharwani ta’ 57 minn Tas-Sliema, ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Żvediżi.
Huwa kien wieħed fost iktar minn 180 persuna mfittxija f'investigazzjoni kkordinata u kumplessa mill-pulizija ta' 17-il pajjiż fosthom Malta, Albanija, Awstrija, Ċipru, Estonja, Ġermanja, Italja, Olanda, Polonja, Slovakkja, Slovenja, Svezja u r-Renju Unit.
L-investigazzjoni titratta fuq frodi ta' VAT ta' skala kbira. Huwa stmat li €195 miljun ġew iffrodati.
Bharwani inżamm taħt arrest preventiv, wara li rrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu biex jiġi trasferit fil-kustodja tal-awtoritajiet Żvediżi.
L-Avukati Stefano Filletti, Giannella DeMarco u Maurice Meli, li qed jassistu lil Bharwani, sussegwentement ressqu rikors għall-libertà proviżorja li ġiet aċċettata mill-Maġistrat Leonard Caruana aktar kmieni llum.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li jattendi s-seduti kollha tal-Qorti, joqgħod lura milli jivvjaġġa jew saħansitra jersaq lejn il-kosta u l-ajruport. Bharwani huwa meħtieġ ukoll li jiffirma ktieb tal-pleġġ darbtejn, kuljum u josserva curfew. Il-libertà proviżorja kienet stabbilita għal €100,000: depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €60,000, li kienet teħtieġ ukoll pleġġi minn erba’ membri tal-familja tiegħu, li jammontaw għal €25,000 oħra.