L-aħwa Degiorgio jsostnu li Abela u Cardona kienu nvoluti fis-serqa tal-HSBC

Taħt ġurament, l-aħwa Degiorgio kkonfermaw li l-eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu nvoluti fis-serqa ppjanata tal-HSBC 

Taħt ġurament l-aħwa Degiorgio kkonfermaw fil-Qorti li l-eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu nvoluti fis-serqa ppjanata tal-HSBC f’Ħal Qormi. 

Il-ħamis, George u Alfred Degiorgio xehdu fi proċeduri ta’ malafama li l-eks Ministru Carmelo Abela fetaħ kontra jason Azzopardi fuq kummenti li kiteb fuq il-midja soċjali dwar l-attentat ta’ serq fl-2010. 

Il-kawża kienet ipperseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Fuq Facebook, Azzopardi kien kiteb ukoll li Abela rċieva ammont ta’ €300,000 bħala ħlas għas-serqa. Abela kien ċaħad din l-allegazzjoni u fetaħ libell fuq proċeduri ta’ malafama. 

Kien sar affidavit mal-aħwa Degiorgio u f’dokument esebit kienu semmew lil Carmelo Abela u Chris Cardona li t-tnejn kienu nvoluti fis-serqa tal-HSBC. 

Il-qorti staqsiet lil Alfred Degiorgio jekk jikkonfermax il-kontenut, huwa wieġeb “Nikkonferma l-kontenut u se nissostanzjahom.” 

Wara tela' jixhed ħuh George Degiorgio fejn intwera dikjarazzjoni li staqsewh biex jikkonfermaha; hu wieġeb, “għamilna dan l-affidavit sena u nofs ilu imma kien se jiġri xi ħaġa u spiċċajna ma ffirmajniehx.”

Huwa kompla jgħid, “madwar tlieta jew erba’ snin ilu konna tlabna maħfra presidenzjali. Morna l-Kwartieri Ġenerali u tkellimna mal-Ispettur Mercieca... Ħadd ma ħa interess. Tkellimna fuq is-serqa tal-HSBC.... ridna nsemmu isem Cardona, Abela... mhux ħa nsemmi oħrajn li mhumiex imniżżla f’din l-istqarrija... meta jkun mument tajjeb insemmihom.”

L-avukat staqsa jekk kienx hemm nies oħra involuti wara li George semma li kien hemm ħames nies oħra involuti, u huwa wieġeb “Ħija jaf iktar minni.”

George Degiorgio sostna li ġew ittraditi minn Chris Cardona “Dan mhux qed ngaħmlu minħabba r-rifjut tal-maħfra... hemm ħafna xi ngħidu wkoll fuq is-serq tal-bank ta’ Balzan” qal George. 

Għal Carmelo Abela deher l-Avukat Pawlu Lia, filwaqt li Jason Azzopardi qed ikun assistit mill-avukat Joseph Zammit.

Is-seduta ġiet deferita għat-8 ta’ April 2024. 

L-aħwa Degiorgio bħalissa qed jiskontaw sentenza ta’ 40 sena l-ħabs talli wettqu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’dikjarazzjoni ġuramentata li saret f’Jannar, huma kienu sostnew li l-eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu “taw struzzjonijiet sabiex iseħħ serqa mill-Uffiċċju Prinċipali tal-HSBC ikompli.”

More in Qrati u Pulizija