L-eks kappillan Luke Seguna qed isostni li l-laptop u provi oħra fi proċeduri kriminali li għaddejjin fejn huwa mixli bi frodi spiċċaw mitlufa mill-kmamar tal-qrati.
Seguna jinsab akkużat b’ħasil ta’ flus, kif ukoll li ffroda u li uża madwar €500,000 minn 150 parruċċani, fuq medda ta’ għaxar snin. Il-qassis qed jiċħad l-akkużi.
L-avukati ta’ Seguna ressqu rikors quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, fejn ddikjaraw ukoll li wħud mill-provi miġbura mill-pulizija fil-bidu tal-investigazzjoni qatt ma ngħataw lill-esperti maħtura mill-qorti biex ikunu eżaminati.
Ir-rikors tressaq wara smigħ fil-kawża nhar it-Tlieta, li matulha ntqal li l-MacBook Pro ta’ Seguna, li kien ġie esebit mill-prosekuzzjoni f’Ġunju tas-sena l-oħra, ma setax jinstab fil-kamra tal-esebiti tal-qrati.
L-espert maħtur mill-Qorti inkwistjoni, Keith Cutajar, qal lill-Maġistrat Rachel Montebello li meta mar jiġbor l-apparat sabiex jeżaminah, l-uffiċjal tal-esebiti qallu “ma nistgħux insibu l-laptop”.
Il-Qorti ordnat li l-uffiċjal esebit biex jixhed fis-seduta li jmiss, flimkien mal-uffiċjal tal-pulizija li oriġinarjament esebixxa l-apparat.
F’rikors urġenti li tressaq fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha kontra l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat, il-Kummissarju tal-Pulizija u r-Reġistratur tal-Qorti Kriminali, Seguna sostna li nkiser id-dritt tiegħu għal proċess ġust meta ntilef il-laptop. Provi oħra maqbuda mill-pulizija wkoll qatt ma ġew mgħoddija lill-maġistrat inkwirenti, bi ksur tar-responsabbiltà bażika tal-uffiċjal investigatur li jippreserva l-katina ta’ kustodja ta’ tali provi.
L-Avukati Jose Herrera, Matthew Xuereb u David Camilleri, li jassistu lil Seguna, sostnew li ma kienx aċċettabbli li l-pulizija żammew l-apparat għal xhur sħaħ minflok bagħtuh lill-maġistrat inkwirenti, biex imbagħad ġiet esebita data li kienet inħarġet bl-iskuża ta’ “xogħol tal-pulizija”, waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Il-laptop u dokumenti oħra li Seguna jsostni li nżammu mill-pulizija mid-dar tiegħu kienu importanti biex jipprova l-innoċenza tiegħu, qalu l-avukati. Huma rrimarkaw li l-laptop kien analizzat mill-pulizija, mhux mill-esperti tal-qorti, li ħalla dubji dwar x’kienu għamlu minnu l-pulizija.
L-avukati tal-qassis talbu lill-qorti biex tiddikjara li t-telf tal-laptop tiegħu mill-provi kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.