Mara li rċeviet €15,000 frowdolenti f’benefiċċji soċjali ssostni li ġiet imqarrqa minn aġenti tal-PL

Il-mara ta' 63 sena minn Ħal Tarxien kienet avviċinata minn uffiċjal tal-Partit Laburista waqt attività politika f’Raħal Ġdid, u ssuġġerila tipparteċipa f'skema

Avukat li kien qed jirrappreżenta anzjana li spiċċat taffaċċja akkużi relatati ma’ frodi fuq benefiċċji soċjali, qal lill-Qorti aġenti mill-customer care Laburisti qarrqu biha.

Il-mara ta' 63 sena minn Ħal Tarxien kienet avviċinata minn uffiċjal tal-Partit Laburista waqt attività politika f’Raħal Ġdid, u ssuġġerila tipparteċipa fl-iskema, spjega l-avukat. 

Il-mara issa qed taffaċċja proċeduri kriminali li fihom hija akkużata li rċeviet €15,000 f’benefiċċji soċjali li ma kinitx intitolata għalihom, fl-2020.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li ppresediet il-kawża, qalet li l-akkużata sussegwentement ħadet self ta’ €10,000 li bih kienet diġà ħallset lura żewġ terzi tal-ammont totali li kienet irċeviet f’benefiċċji mhux mistħoqqa. 

L-Avukat Jason Azzopardi, li assista lill-imputat, qal ukoll lill-Qorti li l-pensjonanta kellha problemi intellettwalment, u ddeskrivieha bħala vittma taċ-ċirkustanzi tagħha.

Qal li l-mara kienet ġiet avviċinata minn raġel liebes ġlekk u ingravata quddiem il-knisja ta’ Kristu Re, waqt li kienet miexja tul Triq Guże D’Amato f’Raħal Ġdid. Fil-pjazza dak iż-żmien kienet għaddejja attività politika organizzata mill-Partit Laburista.

Ir-raġel kien staqsieha jekk ssofrix minn xi mard u jekk kellhiex bżonn xi għajnuna. Meta wieġbet li kienet ilha tiġġieled id-dipressjoni għal ħafna snin, ir-raġel qalilha “mela se ngħinuk.”

Imbagħad kien taha formola, li talabha tiffirma, u qalilha biex tħalli l-bqija f’idejn il-Partit Laburista, għax kienu hemm biex jgħinu lin-nies. Ftit jiem wara, il-mara issejħet biex tidher quddiem bord mediku, li ddikjara li hija eliġibbli għall-benefiċċji wara intervista ta’ “3 minuti”. Qalilha li dalwaqt se tibda tirċievi l-ħlasijiet u dan tabilħaqq seħħ.

Il-mara ammettiet l-akkuża.

Waqt li għamel sottomissjonijiet dwar il-piena, l-avukat Jason Azzopardi stieden lill-qorti biex teżamina dan il-każ mill-qrib, filwaqt li saħaq li l-mara ġiet imqarrqa. Id-difiża talbet sentenza sospiża, flimkien ma’ ordni ta’ probation jew servizz fil-komunità.

Il-Qorti differit il-każ għat-23 ta’ April biex tingħata s-sentenza.

L-Ispettur tal-Pulizija Andy Rotin mexxa l-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija