Qattiel jammetti li qatel lil Mario Farrugia b’40 daqqa ta’ sikkina

Il-qattiel ta’ Mario Farrugia, li nstab mejjet fil-karozza tiegħu stess f’wied f’Ħal Qormi, ammetta li qatlu f’attakk simili ta’ dak tal-2020 f’Ta’ Qali meta attakka raġel ieħor b’sikkina tal-laħam

Elliot Paul Busuttil
Elliot Paul Busuttil

Elliot Paul Busuttil ta’ 40 sena minn Ħ’Attard ammetta li wettaq il-qtil tal-2022 ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena kif ukoll l-attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor li attakka b’sikkina tal-laħam fl-2020. Huwa se jiġi kkundannat f’Marzu. 

Waqt li għamel sottomissjonijiet dwar il-piena lis-Sinjura Imħallef Consuelo Scerri Herrera dalgħodu, l-avukat ta’ Busuttil, Edward Gatt, qal lill-Qorti li l-partijiet kienu qed jirrakkomandaw sentenza ta’ 35 sena ħabs. Busuttil kien evita ħela kbira ta’ ħin u riżorsi tal-qorti, qal l-avukat. "Ma nara l-ebda raġuni biex il-qorti ma taċċettax il-ftehim milħuq bejn il-partijiet."

Il-prosekuzzjoni qalet li l-piena miftiehma għamlet ġustizzja mas-soċjetà, lill-vittmi u lill-akkużat. "Il-piena hija serja, ħarxa u tirrifletti s-serjetà tar-reati mwettqa mill-akkużat."

L-Avukat tal-parte civile Jason Azzopardi, qal li Emil Marinov qabel mas-sentenza proposta. Emil Marinov, huwa raġel mill-Bulgrija li kien kważi nqatel minn Busuttil b’sikkina tal-laħam f’attakk simili. Marinov sofra diżabilità permanenti minħabba f’hekk. 

Fdalijiet umani, li aktar tard kienu identifikati bħala tal-vittma, ġew skoperti fil-bagol tal-Peugeot 407 tiegħu li kien ġie abbandunat f’wied Ħal Qormi f’April 2022, xahar wara li kien irrappurtat nieqes.

Huwa kien ingħata aktar minn 40 daqqa ta' sikkina. 

Il-filmati tas-CCTV u d-dejta dwar il-lok tal-mowbajl wasslu lill-investigaturi jissuspettaw l-involviment ta’ Busuttil. Huwa kien arrestat fl-14 ta’ April, disagħt  ijiem wara li l-katavru kien skopert.

Sentejn qabel il-qtil brutali ta’ Farrugia, Busuttil kien ġie akkużat ukoll li pprova joqtol Bulgaru ta’ 57 sena f’Ta’ Qali f’attakk simili. 

Wara li Marinov kien wera interess li jixtri par speakers mingħand Busuttil, Busuttil qalli biex jiltaqgħu l-Marsa sabiex jbiegħlu l-ispeakers li kienu rriklamati fuq Facebook Marketplace. Wara li ltqqgħu l-Marsa, Busuttil talbu biex jieħdu Ta’ Qali, apparentement sabiex jagħtih l-ispeakers.  

Iżda wara li qallu biex jieqaf f’karreġġjata f’inħawi abbandunata, Busuttil kien qabeż mill-karozza, u laqtu f’rasu b’sikkina tal-laħam u 25 darba oħra f’ġismu. Il-vittma ddeskriva l-attakk li dam minn tmien sa għaxar minuti, u ħalla lil Marinov b’laċerazzjonijiet profondi f’widnejh, wiċċu, xufftejh u dirgħajh.

Busuttil ħa dawk €120 li kien qed iġorr il-vittma, u telaq minn fuq il-post. Huwa nqabad ftit sigħat wara, f’dar ommu f’Ħ’Attard.

More in Qrati u Pulizija