Bankina mkissra twassal biex il-Qorti timmulta Kunsill Lokali €44,000

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ġie ordnat iħallas ’il fuq minn €44,000 f’danni lil raġel li sofra diżabilità permanenti wara li waqa’ minn bankina perikoluża u kiser siequ

 

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ġie ordnat iħallas ’il fuq minn €44,000 f’danni lil raġel li sofra diżabilità permanenti wara li waqa’ minn bankina perikoluża u kiser siequ. 

Din kienet is-sustanza ta’ deċiżjoni mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Toni Abela nhar il-Ħamis li għadda, f’kawża miftuħa minn Timothy Fenech ta’ 44 sena kontra l-Kunsill Lokali. 

Fir-rikors promotur, Fenech kien irrakkonta kif kien sofra ksur f’siequ l-leminija nhar id-9 ta’ Jannar 2019 waqt li kien miexi ġewwa Triq Elia Zammit f’San Ġiljan. Hu sostna li l-inċident kien “kollu frott ta’ traskuraġni, negliġenza, imperizja, nuqqas ta’ ħsieb u nuqqas ta’ manuntenzjoni adekwata fuq il-bankina,” min-naħa tal-Kunsill. 

Saħaq ukoll li l-Kunsill kien naqas mid-dover li jassigura s-sigurtà tal-pubbliku billi ħalla l-istat tal-bankina inkwistjoni tiddeterjora.  

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill irrespinġa t-talbiet ta’ Fenech u qal li kien dejjem aġixxa bid-diliġenza rikjesta mil-liġi, tenut kont tar-responsabbiltajiet u l-mezzi li huma disponibbli għalih. Argumenta li ma kienx responsabbli għall-inċident u li Fenech kellu jġib provi tad-dannu li allegatament sofra.  

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Abela għamel riassunt ta’ kif il-liġi Maltija, kif ukoll il-Qrati Maltin, jittrattaw azzjonijiet għal danni li jirriżultaw minn aġir li huwa tort ta’ wieħed mill-partijiet, l-hekk imsejħa culpa aquiliana, kif spjegata fil-Kodiċi Ċivili. 

Il-Qorti qalet li fil-każ ta’ Kunsill Lokali, l-obbligi mhumiex regolati biss mill-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi Ċivili, iżda anke mil-liġi speċjali li ħolqithom – l-Att dwar Gvern Lokali u r-regolamenti mnissla minnha. 

Dan l-Att, fost responsabbiltajiet oħra, jistabbilixxi li l-Kunsill Lokali huwa responsabbli għall-knis, għat-tindif u l-qtugħ ta’ ħaxix ħażin fit-toroq tal-lokal, kif ukoll mit-tindif ta’ sinjali stradali u dwal fit-triq, il-ġbir u t-tneħħija ta’ kull skart, iż-żamma tal-indafa u l-manutenzjoni, u ż-żamma tal-konvenjenzi pubbliċi kollha … u li taċċerta li dawn huma kollha aċċessibbli għal kulħadd, inklużi persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti. 

Il-bankini jaqgħu fit-tifsira ta’ konvenjenzi pubbliċi, qal l-Imħallef. 

Minn xhieda ta’ rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, ħareġ ċar illi l-Kunsill huwa responsabbli mill-manutenzjoni normali tal-bankini. 

Wara li stabbiliet li l-Kunsill huwa l-entità responsabbli għall-manutenzjoni tal-bankini, il-Qorti għaddiet sabiex tara jekk jaħtix għall-inċident li fih kien weġġa’ Fenech. Mara li kienet rat l-inċident xehdet li kienet miexja ftit passi warajh meta f’daqqa waħda ratu jaqa f’ħofra fil-bankina fejn kienet tneħħiet parti mill-wiċċ tal-bankina. Innutat ukoll li taħt il-biċċa tal-wiċċ tal-bankina li kien tressaq, kien hemm ħofra enormi fit-tarmak tat-triq. 

Ix-xhud qalet li ma kien hemm l-ebda avviż jew twissija ta’ periklu u li l-parti mkissra tal-bankina qajla tinduna biha, speċjalment minħabba l-fatt li t-triq ma kinitx imdawla sew. 

Dan l-istat ta’ fatt ġie kkonfermat minn diversi xhieda oħra. 

Il-Qorti rat ukoll ritratti tal-bankina li wrew “ċar u evidenti l-istat hażin li kienet fiha din il-bankina,” li kienet f’qagħda li faċilment seta’ jwassal biex xi ħadd jitfixkel f’maduma maqlugħa u jaqa’ fil-gandott fond li kien hemm taħtha eżatt. 

Mix-xhieda tal-eks Sindku Albert Buttigieg, il-Qorti siltet il-fatt li ma kienx hemm sistema preventiva fejn bankini mhux mantnuti tajjeb jistgħu b’mod awtonomu jinġiebu għall-attenzjoni tal-Kunsill. 

“Ma hija ħaġa sewwa xejn li biex il-Kunsill isir jaf b’xi toqba fil-bankini jrid jidħollu rapport għaliex dan x’aktarx jiġri meta xi ħadd ikollu inċident,” qal l-Imħallef. Il-problema tal-Kunsill hi n-nuqqas ta’ fondi biex jikkostitwixxi sistema preventiva u għaldaqstant kellu jinqeda b’handyman.  

“Is-Sindku jixhed li f’din it-triq kellhom diversi inċidenti. B’dana kollu, xorta kien hemm din il-bankina li fiha nnifisha kienet stedina għal xi inċident … jixhed li din hija triq fejn l-attività edilizja hija waħda intensiva u bħala prova esebixxa numru mdaqqas ta’ dokumenti li jindikaw dan. Iżda bir-rispett kollu, dan m’għandux iservi ta’ skużanti, iżda pjuttost il-kuntrarju. Jekk il-Kunsill għandu dawn l-indikazzjonijiet kollha li t-tgħarriq tal-bankini f’din it-triq partikulari huwa akbar minn bnadi oħrajn, allura, jekk ma jistax ikun jissorvelja b’mod ġenerali l-lokalità, għandu tal-inqas jieħu ħsieb dan f’din it-triq mill-qrib …” 

Ir-ritratti esebiti juru li f’din it-triq, għal diversi drabi, kienu tqiegħdu pjanċi tal-ħadid biex jgħattu vojt fil-bankina, innotat il-Qorti. “F’dan il-każ dan ma sarx, anzi x-xhieda jgħidu li lanqas xi xorta ta’ avviżi ma kien hemm biex jindikaw dan il-periklu. Il-minimu li seta’ jsir.” 

L-Imħallef Abela qal li filwaqt li jifhem li l-lokalità hija sit ta’ attività kummerċjali intensiva, din ma kinitx skużanti. “Il-Qorti ma tistax iddur fuq id-danneġġjat u tikkonslah billi tgħidlu jieħu paċenzja għaliex il-Kunsill m’għandux fondi biżżejjed u għaliex ukoll f’din iż-żona hemm wisq attività. Jekk dak li ġara lill-Attur huwa tort tal-Kunsill, allura dan irid iwieġeb għaliex mhux eżentat mill-prinċipji tal-liġi kif fuq imfissra. Hawn ma aħniex nitkellmu fuq xi forma ta’ forza maġġuri.” 

Tabib kien iċċertifika li Fenech kien sofra diżabilità permanenti ta’ 12%, filwaqt li espert tal-Qorti stabbilixxa grad ta’ 10%, li kapaċi tonqos għal 8% u saħansitra 5% jekk il-kirurgi jirnexxilhom jaqilgħu l-ħadid kollu li kien ġie impjantat fis-sieq il-miksura – iżda din ma kinitx xi ħaġa ċerta. 

Wara li kkunsidrat il-kontinġenzi spjegati mill-espert, il-Qorti abbraċċjat il-perċentwal ta’ 8%. 

Il-Qorti, wara eżerċizzju matematiku kkumplikat, filwaqt li kkunsidrat ukoll il-fatt li Fenech kellu 40 sena meta seħħ l-inċident u ma setax imur jiġri iżjed, kif kien jagħmel regolarment qabel ma weġġa’, waslet għas-somma ta’ €44,350 f’danni dovuti mill-Kunsill jew il-kumpanija assikuratriċi tagħha. 

Il-Qorti ordnat li l-Kunsill Lokali jbati l-ispejjeż kollha tal-kawża. 

More in Qrati u Pulizija