Imħallef sejjaħ seduta urġenti fil-kawża kostituzzjonali mressqa minn Keith Schembri wara li espert tal-qorti li xehed fi proċeduri separati kontra Yorgen Fenech tkellem dwar is-sejba ta’ siġilli miksura fuq il-borża tal-provi.
Dan joħroġ minn rikors fil-Qorti mressqa nhar it-Tnejn mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, li qed jirrappreżentaw lil Schembri, eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Schembri qed isostni li l-mowbajl tiegħu kien sparixxa mill-evidenza.
L-Imħallef Mark Simiana, li jippresiedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha sussegwentement ħareġ digriet ilbieraħ, li ressaq is-seduta li jmiss għat-2 ta’ Frar u ordna lill-espert tal-qorti Martin Bajada, li kien irrapporta s-siġilli miksura waqt il-każ Fenech, biex jixhed.
Ir-rikors jgħid li Bajada kien qal lill-Maġistrat tal-kumpilazzjoni li ħaseb li l-provi kienu ġew imbagħbsa.
L-Imħallef ordna wkoll li l-evidenza nkwistjoni ma jingħatax lil ħaddieħor għal ebda raġuni sakemm il-Qorti tiegħu tippermetti dan.
Schembri kien ippreżenta l-każ f’Novembru li għadda fejn kien sostna li kien hemm ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u talab li l-mobile jitneħħa mill-evidenza. Huwa allega li t-telefon kien għeb għal diversi ġimgħat, qabel ma reġa tfaċċa .
Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda mill-Maġistrat li ġabar provi kontra Schembri, li tatha wkoll rendikont ta’ dak li kien ġara mill-apparat, f’dawk il-proċeduri, li fihom Schembri jinsab akkużat li rċieva kickbacks, tixħim, u ħasil ta’ flus.