Qtil Caruana Galizia: Id-difiża ta' Yorgen Fenech tippreżenta recording li jimplika mħuħ oħra

L-avukati difensuri ta’ Yorgen Fenech qalu lill-Qorti li kienu skoprew dan ir-recording li, jgħidu, jagħti ħjiel għal “imħuħ possibbli” li kienu ħallsu għall-qtil ta’ Caruana Galizia u li ma kellhom ebda konnessjoni ma' Yorgen Fenech

Il-Qorti semgħet it-talba mit-tim legali ta’ Yorgen Fenech, li l-awtoritajiet Taljani kienu fil-pussess ta’ reġistrazzjoni li, jgħidu, jagħti ħjiel għal “imħuħ possibbli” li kienu ħallsu għall-qtil ta’ Caruana Galizia u ma kellhom ebda konnessjoni mal-klijent tagħhom Yorgen Fenech.

It-talba ħarġet f’seduta nhar il-Ġimgħa li għadda, hekk kif reġgħet bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fenech quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

L-Avukat Charles Mercieca qal lill-Qorti li l-konverżazzjoni – recordjata minn fuq smartwatch- donnha kienet tinvolvi żewġ persuni Maltin, li wieħed minnhom huwa imsemma' jgħid lill-ieħor li kien ħallas madwar €40,000 biex “jeħles minn Caruana Galizia”. Fil-Qorti ma ħarġu l-ebda dettalji oħra dwar dan l-allegat recording.

Id-difiża qalet li kienet saret taf biss b’dian ir-recording meta ntbagħtu kopja aġġornata tal-atti tal-inkjesta dwar il-qtil, sa liema punt il-perjodu ta’ żmien għall-preżentata ta’ motivi u ż-żieda mal-lista tax-xhieda kien ilu skada.

L-Avukati Anthony Vella u Godwin Cini, li qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali infurmaw lill-Qorti li rċevew id-dokument permezz tal-Eurojust u kienu esebiwh fl-atti tal-inkjesta.

Huma ma setgħux jiftakru d-data li fiha kienet waslet, qalu fi tweġiba għal mistoqsija mid-difiża, u żiedu li se jkollhom jiċċekkjaw il-fajl tal-każ.

L-avukati sostnew ukoll li rapport minn esperti tal-qorti barranin (li ġabru diversi motivi possibbli għall-qtil ta’ Caruana Galizia) ma kienx ġie mgħoddi lilhom minn esperti tal-qorti, u kien qed jinżamm mill-Europol.

Il-bażi għal dak ir-rapport kienet id-dejta estratta mill-eks espert tal-Europol Marinus Martin Van Der Meij minn ikkupjar forensiku tal-mowbajl ta’ Caruana Galizia. Van Der Meij kien qal lill-Qorti li kien għadda kopja fiżika lill-inkjesta mmexxija mill-maġistrat ta’ dak iż-żmien Anthony Vella, f’Mejju 2018. Iżda l-avukati ta’ Fenech qalu li ma ngħatawx kopja tad-data, u qalu lill-Qorti li lanqas ma setgħu jsibu d-dokument fil-fajl tal-kawża.

Van Der Meij u eks espert ieħor tal-Europol, Konstantinos Petrou, ġew ordnati mill-Qorti Kriminali biex jesebixxu kopja tar-rapport f’diversi okkażjonijiet, qal Mercieca, li żied jgħid li għadhom ma kkonformawx u issa m’għadhomx jaħdmu fl-Europol.

Minbarra li ordnat liż-żewġ esperti jixhdu personalment, l-imħallef ordna wkoll li rappreżentant tal-Europol irid jixhed biex jispjega għaliex rapport imfassal minn espert maħtur mill-qorti kien fil-pussess tal-aġenzija.

Martin Bajada, li kien inħatar biex jagħmel diversi eżamijiet forensiċi ta’ apparat diġitali kien imiss li jiġi kontro-eżaminat. Mercieca staqsieh dwar x’ġara mill-laptop ta’ Caruana Galizia. Bajada qal lill-Qorti li din kienet ingħatat lill-awtoritajiet Ġermaniżi immedjatament wara l-qtil. L-awtoritajiet fil-Ġermanja aktar tard infurmaw lill-maġistrat inkwirenti li m’għadhomx kellhom l-apparat, iżda kienu “tawh lura lil min kien ħadu lilhom.” Ma qalux min kien għamel hekk.

L-avukat ta’ Fenech wera korrispondenza ta’ Bajada bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u Maltin, li kienet seħħet f’termini ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea relatata mal-qtil. Bajada qara d-dokument, li qal lill-Qorti li qatt ma kien ra qabel, minn fuq il-pedana tax-xhieda. Qal li l-prosekutur Ġermaniż kien informa lil Malta li “l-familja tas-Sinjura Caruana Galizia talbet li titħassar id-data salvata fuq il-laptop tagħha.”

L-Imħallef ordna lil Bajada biex jgħaddi kopja tad-data kollha estratta mill-mowbajl ikkupjat ta’ Caruana Galizia. Il-kopja tal-Qorti kellha tinżamm taħt siġill u tkun aċċessibbli biss għall-qorti, bil-partijiet jirċievu biss verżjoni redatta li ma żvelatx l-ismijiet, in-numri, id-dati, u l-ħinijiet tal-komunikazzjonijiet mas-sorsi tal-ġurnalista li nqatlet.

L-avukati tal-AG Anthony Vella u Godwin Cini qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri qed jassistu lil Fenech. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jassistu lill-familja Caruana Galizia bħala parte civile.

More in Qrati u Pulizija