Jinżamm arrestat wara li allegatament importa 5kg kannabis f'pakkett bil-posta

Żagħżugħ ta’ 26 sena residenti l-Mellieħa, Mladen Bjelic, inżamm arrestat b’rabta ma’ interċettazzjoni ta’ pakketti tal-posta li b’kollox kien fihom 5kg kannabis filwaqt li fid-dar tiegħu nstabu 14-il pjanta oħra tal-kannabis

Resident il-Mellieħa nżamm arrestat b’rabta ma’ interċettazzjoni ta’ pakketti tal-posta li b’kollox kien fihom 5kg kannabis.

Nhar il-Ġimgħa, l-Ispettur Jonathan Pace ressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella żagħżugħ ta’ 26 sena residenti l-Mellieħa, Mladen Bjelica.

L-imputat Serb kien akkużat li importa erba’ pakketti li kien fihom 1kg ħaxix tal-kannabis kull wieħed, kien kompliċi u kkonfoffa biex tiġi importata d-droga, pussess f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali u kultivazzjoni ta’ pjanti tal-kannabis, bi ksur tal-Att dwar id-Drogi Perikolużi.

Ir-reati huma allegati li seħħew lejn l-aħħar ta’ Diċembru u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel.

L-Ispettur Pace qal li fis-27 ta’ Diċembru 2023, l-uffiċċju tiegħu kien irċieva rapport mid-Dwana li kienu waslu żewġ pakketti ssuspettat li kien fihom 500g ħaxix tal-kannabis. Wara li maġistrat approva konsenja kkontrollata, l-ispettur, imlibbes bħala impjegat tal-MaltaPost, kien mar iwassal il-pakkett.

“Malli dħalt fit-triq, żewġ individwi kienu bdew isegwu l-vann. Staqsewni jekk kellix pakkett għal Mladen Bjelca,” qal l-ispettur. Bjelca ffirma għall-pakkett hu stess. 

Wara li r-raġel ġie arrestat, fid-dar tiegħu nstabu 14-il pjanta oħra tal-kannabis, qal l-ispettur, li żied li ġew interċettati wkoll pakketti oħra simili, fosthom tnejn identiċi li ġew indirizzati lil Mladen. Il-kontenut tal-pakketti kien iddikjarat bħala ingwanti tal-boxing u ornamenti tas-siġar tal-Milied.

Bjelica kien ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija mill-mument tal-arrest tiegħu, qal l-ispettur.

Bjelica, li qal lill-Qorti li kien impjegat bħala elettriċista, wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

Fuq l-assi tiegħu ġiet imposta ordni ta’ ffriżar, bl-avukat difensur Charles Mercieca jitlob li l-klijent tiegħu jitħalla jaċċessa l-ammont ta’ €13,900 permess mil-liġi għall-ispejjeż tal-għajxien tiegħu.

Mercieca talab ukoll il-ħelsien mill-arrest, li kienet opposta mill-prosekuzzjoni minħabba li kien hemm xhieda ċivili li għad iridu jixhdu.

L-avukat ta’ Mladen stqarr li jekk jinżamm arrestat se iwassal biex jitlef l-impjieg tiegħu u l- kapaċità li jassisti finanzjarjament lil missieru. 

L-Ispettur Pace irrisponda li l-ammont kien 1kg kannabis, wera biċ-ċar li ma kienx għall-użu personali, minbarra l-14-il pjanta li nstabu fir-residenza tiegħu. Huwa qal li kien hemm tħassib serju li l-investigazzjoni tista’ ssirilha ħsara jekk f’dan l-istadju tingħata l-libertà proviżorja.

L-avukat argumenta li l-kwistjoni kienet il-kapaċità tal-imputat li jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tiegħu. Ix-xhieda ma kinux suġġetti għall-indħil tal-akkużat, qal, filwaqt li sostna li l-fatturi msemmija mill-prosekuzzjoni ma kellhom ebda effett fuq l-għoti tal-libertà proviżorja.

Il-Qorti, madankollu, ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja f’dan l-istadju, fid-dawl tal-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin u l-fatt li xhieda ċivili għad kellhom bżonn jixhdu. Il-maġistrat talab lill-prosekuzzjoni biex tikkonkludi l-investigazzjonijiet tagħha u tressaq ix-xhieda tagħha kemm jista’ jkun malajr.

More in Qrati u Pulizija