Żagħżugħ Sqalli ta’ 25 sena residenti il-Fgura ametta li wettaq numru ta' serqiet bejn l-Erbgħa u l-Ħamis fil-Fgura.
F’avviż li sar is-Sibt filgħodu, il-Pulizija qalet li l-individwu ġie arrestat ftit wara li tliet persuni rrappurtaw inċidenti ta’ serq waqt li kienu miexjin fil-Fgura. Il-vittmi kienu jinkludu żewġ nisa ta’ 45 u 80 sena, kif ukoll raġel ta’ 74 sena.
Skont stqarrija tal-pulizija, għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħaxija tal-Ħamis, il-mara ta’ 45 sena kienet għadha kif ġibdet flus minn ATM fi Triq Hompesch meta s-suspettat allegatament qabadilha l-flus kontanti minn idejha u ħarab. Sussegwentement, is-suspettat qabad borża minn idejn raġel ta’ 74 sena u mowbajl mingħand anzjana ta’ 80 sena.
Il-Pulizija bdew it-tfittxija għas-suspettat skont id-deskrizzjonijiet ipprovduti mill-vittmi. Għall-ħabta tat-8:30 pm, il-Pulizija identifikat individwu li jaqbel mad-deskrizzjoni pprovduta u minnufih ġie arrestat.
Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li s-suspettat kien allegatament aggredixxa raġel ta’ 74 sena nhar l-Erbgħa fejn imbottah qabel seraqlu l-kartiera.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Shawn Pawney u Paul Camilleri, u mil-Avukat Shelby Aquilina mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.