Espert xehed il-Ħamis fil-qorti li l-mowbajl ta’ Daphne Caruana Galizia ma ġiex esebit fil-Qorti għaliex ma ngħatatx direzzjoni dwar kif jiġu protetti s-sorsi tagħha, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Yorgen Fenech li nfetħet mill-ġdid.
Il-kwistjoni ġiet immarkata lill-Maġistrat Rachel Montebello mill-espert tal-qorti Martin Bajada.
Bajada xehed wara ġie mitlub jesibixxi kopja ta’ data estratta mill-mowbajl ta’ Caruana Galizia u l-websajt tagħha “Running Commentary.”.
Huwa qal li “Ma nistax nesebixxi l-mowbajl għax għad hemm is-sorsi tagħha fuqu. Jekk qed ngħidu li s-sorsi huma sagri u ma jistgħux jingħataw, allura ma jistax jiġi esebit fl-istat attwali tiegħu,” spjega x-xhud, li esebixxa rapport bikri fuq il-mowbajl li kien għadda lill-Maġistrat inkwirenti Anthony Vella, li aktar tard kien sar imħallef.
Huwa esebixxa wkoll kopja ta' formola li tiddokumenta l-konsenja tiegħu tal-mowbajl ikkupjat u d-dejta tal-websajt lil espert tal-Europol. Fl-aħħar nett, Bajada esebixxa kopja ta’ rapport li kien ressaq waqt il-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.
"F'dan ir-rapport, kont spjegajt li kelli bżonn ningħata struzzjonijiet dwar kif il-qorti riedet li nipproteġi l-identitajiet tas-sorsi." Huwa qal li kopja tal-mowbajl qatt ma ġiet esebita, u żied jgħid li l-Maġistrat Vella ordna li s-sorsi ma jiġux żvelati.
Għalhekk, Bajada qal li ċ-chats tal-WhatsApp fuq il-mowbajl ikkupjat mhux se jkunu esebiti, sakemm jingħata struzzjonijiet dwar jekk jaħbix is-sorsi u jekk iva, kif.
Mistoqsi mill-qorti dwar jekk dawn l-istruzzjonijiet kinux ingħataw, it-tweġiba ta’ Bajada kienet “qatt.”
L-espert spjega li jekk titneħħa l-’header’ta' messaġġ, titneħħa wkoll id-data u l-ħin, huwa żied li dan japplika wkoll għall-footer tal-messaġġ. Bajada qal li kien qed jikkonsulta ma’ espert ieħor tal-qorti biex isib triq ‘il quddiem fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet mill-qorti.
Waqt li wieġeb mistoqsija oħra, huwa kkonferma li l-mowbajl ma kienx għadu fil-pussess tiegħu, iżda issa kien għadda taħt il-Europol.
Siġilli miksura fuq evidenza
Bajada indika wkoll kwistjoni inkwetanti lill-qorti: uħud mill-hard drives fil-fajl tal-każ, li kien fihom id-dejta tal-mowbajl ikkupjat u l-websajt ‘Running Commentary’, kellhom is-siġilli mkissra. Żied jgħid li ma ngħatax dokumentazzjoni dwar kif waslu hemm id-drives.
Il-Maġistrat Rachel Montebello, li ħadet f’idejha l-kumpilazzjoni tal-provi fi stadju tard fil-proċeduri, staqsiet lil Bajada jekk kienx talab lill-maġistrat inkwirenti għal gwida dwar dawn il-kwistjonijiet, iżda Bajada wieġeb li l-maġistrat minn dak iż-żmien kien sar imħallef u li l-inkjesta ma kinitx ġiet magħluqa.
Mistoqsi mid-difiża dwar is-siġilli miksura, Bajada qal li kien informa lill-qorti li s-siġilli tkissru, iżda ma kellux informazzjoni dwar kif, meta, jew minn min.
Dawn kienu tkissru wara li kien irritorna l-boroż tal-provi għall-aħħar darba, qal l-espert. L-Avukat Charles Mercieca, li qed jirrappreżenta lil Fenech flimkien mal-avukat Gianluca Caruana Curran u Marion Azzopardi, kontro-eżamina lil Bajada, u ssuġġerixxi li kien għad hemm xogħol xi jsir qabel ma tkun disponibbli stampa sħiħa tal-kontenut tal-mowbajl u l-websajt tal-ġurnalista maqtula.
Bajada rrimarka li tnejn mill-esperti tal-inkjesta kienu telqu qabel ma’ din tlestiet, u dan il-fatt juri li minħabba tluq ta’ żewġ esperti kkontribwixxa għad-dewmien.
“Konna tim ta’ sitta u domna sentejn biex nibnu stampa ta’ dak li kien qed jiġri,” spjega.
Mercieca staqsa kemm se jdum biex l-identitajiet tas-sorsi ta’ Caruana Galizia jiġu moħbija milli jidhru fil-mowbajl. Bajada wieġeb li qabel kien qal lill-qorti li x’aktarx se jkun fl-aħħar ta’ Frar jew fil-bidu ta’ Marzu u li dan iż-żmien għadu japplika.
L-avukat kompla, u staqsa lill-espert liema kriterji se jintużaw biex jiġi determinat min ikkwalifika bħala sors u min le.
Bajada qal li jekk persuna tissemma’ fuq il-websajt tal-Running Commentary u fuq il-mowbajl, tkun ikkunsidrata bħala sors, u żied li persuni li kkuntatjaw lil Caruana Galizia u huma identifikati fuq il-websajt tagħha, mhumiex se jitqiesu bħala sorsi.
Is-Supretendent Keith Arnaud, li deher għall-prosekuzzjoni, staqsa jekk emails jew messaġġi li ma rriżultawx f'artikli kinux qed jiġu ttrattati bħala sorsi. Bajada wieġeb li bħalissa ma kinux u li kien għalhekk li kien qed jitlob gwida mill-qorti.
Arnaud sostna li l-kriterji li qed juża Bajada bħalissa ma kinux biżżejjed, peress li ma jipproteġux persuni li kienu pprovdew informazzjoni lil Caruana Galizia, li hija ma kienitx tħalliet tippubblika minħabba l-qtil. Is-Supretendent sostna li l-informazzjoni ta’ dawk li għadha ma ntużatx, għandhom jiġu kklassifikati bħala sorsi protetti.
Waqt li wieġeb lil Mercieca, Bajada ikkonferma li ma setax itemm il-kompitu tiegħu sakemm din il-kwistjoni tiġi solvuta.
Mercieca qal li hija kwistjoni ta’ importanza kbira li l-qorti jkollha aċċess għal kopja tad-data mhux redattata, filwaqt li l-partijiet ingħataw verżjonijiet redatti. Huwa talab li s-sottomissjonijiet dwar id-definizzjoni tas-sorsi jiġu ttrattati fis-seduta li jmiss. "Aħna naqblu li m'hemm l-ebda interess fl-identitajiet tas-sorsi, iżda ma rridux li tiġi redattata aktar informazzjoni milli meħtieġ."
Il-Qorti ħabbret li se tkun qed toħroġ digriet mill-awli dwar il-metodu ta’ redazzjoni li għandu jintuża.
Il-każ ġie differit għat-3 ta’ Jannar.