Raġel arrestat b’rabta ma’ sensiela ta' serqiet f'temp ta' 24 siegħa

Raġel ta’ 21 sena, kien arrestat mill-Pulizija kmieni l-Ħamis wara li allegatament wettaq tliet serqiet matul l-istess ġurnata fil-Belt u f'Tas-Sliema 

Raġel ta’ 21 sena, kien arrestat mill-Pulizija kmieni l-Ħamis, ftit sigħat wara li allegatament wettaq serqa minn ħanut f’Tas-Sliema.

L-Erbgħa għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien daħal raġel f’ħanut fi Triq Sir Adrian Dingli, Sliema, armat b’sikkina u talab il-flus lill-kaxxier, raġel ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar. Il-ħalliel ħarab mill-ħanut b’ammont ta’ flus kontati u xi oġġetti oħra.

Immedjatament bdew l-investigazzjonijiet u tfittxijiet għall-persuna li wettqet din is-serqa filwaqt li inħatret inkjesta dwar il-każ.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-istess raġel, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, daħal f’lukanda fi Triq l-Ifran, il-Belt Valletta fejn allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti.

Wara, għal-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu seraq minn hostel li jinsab fi Triq Sir George Borg, Tas-Sliema fejn seraq xi flus kontanti minn kaxxa li kienet wara l-bank tar-reception u ftit wara seraq ukoll kartiera u mobile minn vettura fi Triq it-Torri, Tas-Sliema.

Wara numru ta’ tfittxijiet f’postijiet fejn jiffrekwenta r-raġel, il-Pulizija rnexxiela ssibu l-Ħamis fil-Belt Valletta u kien arrestat. Waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, huwa mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.

More in Qrati u Pulizija