Raġel ħati ta’ diskors ta’ mibegħda wara li sejjaħ biex Deputat tal-PN jiġi mħaġġar f’kumment fuq Facebook

L-akkużat ġie mmultat €300 u ingħata ħelsien kundizzjonali għal sentejn, hekk kif il-Qorti nnutat li d-Deputat tal-PN Karol Aquilina kien aċċetta l-apoloġija tiegħu

Kumment fuq Facebook li sejjaħ biex id-Deputat tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina jiġi “mħaġġar f’nofs il-pjazza tar-raħal” wassal lill-kittieb ta’ dan il-kumment għal kundanna ta’ diskors ta’ mibegħda.

Alan Micallef ta’ 39 sena mis-Siġġiewi kien mixli quddiem il-maġistrat Ian Farrugia l-Ġimgħa filgħodu.

Micallef, li kien assistit mill-avukat Charlene Grima, ammetta l-akkużi. Grima infurmat lill-qorti li l-klijent tagħha kien lest li jiskuża ruħu, u ddeskriviet ir-rimarka bħala sempliċi bluha. L-avukat irrimarka li Micallef ukoll ħassar il-kumment immedjatament u kellu rekord kriminali nadif.

Aquilina, deher bħala parte civile u qal lill-qorti li kien jaf lill-imputat mis-Siġġiewi u li ma kellu xejn ħażin x’jgħid dwaru.

Il-Qorti nnutat li Aquilina kien aċċetta l-apoloġija pubblika ta’ Micallef u li l-imputat kien spjega lill-pulizija fl-istqarrija tiegħu li ppubblika l-kumment f’mument ta’ rabja u ma kellux l-intenzjoni li jikkawża ħsara.

Waqt li kien qed jindirizza lill-imputat il-maġistrat wissietu li l-kliem għandu konsegwenzi.

“Sew jekk int intenzjoni jew ma kellekx l-intenzjoni li tikkawża ħsara, dawn it-tip ta’ kummenti joħolqu periklu kbir,” qal il-maġistrat. “Jistgħu jinċitaw il-vjolenza. Illum ma tantx jużaw il-ġebel fid-dinja tagħna, imma għandna armi [oħra] u rjus jaħarqu.”

Il-qorti qieset l-onestà tal-imputat dwar dak li għamel, li qalet, se tkun riflessa fil-piena.

“Id-dmir tiegħek bħala missier għandu jkun li tieħu ħsieb il-familja tiegħek u li tagħmel dak li hu tajjeb, mhux biss issegwi l-liġi – għax li tobdi l-liġi huwa minimu.”

Micallef ġie mmultat €300 u ngħata rilaxx kondizzjonali ta’ sentejn.

More in Qrati u Pulizija