Grupp ta’ żgħażagħ Belġjani li jinsabu akkużati b’rabta ma’ ħtif u stupru ta’ tfajla ta’ 17-il sena u l-aggressjoni ta’ sieħeb tagħha f’Malta ngħataw il-libertà proviżorja.
Huma qattgħu erba’ xhur f’kustodja preventiva.
Masuekama Kabangu Dany ta’ 20 sena, Kamangu Lema Lelo Arnaud ta’ 18-il sena, Muogo Mukengerwa N’Domba Amani ta’ 20 sena u żewġ żgħażagħ oħra ta’ 17-il sena kienu ġew mixlija f’Lulju li għadda.
Il-vittmi, adoloxxenza Franċiża u ħabib tagħha ta’ 16-il sena, kienu ressqu rapport tal-pulizija dwar il-ħabib tagħha li kien attakkat mill-akkużati f’nightclub, qabel ma l-koppja nħatfu u ttieħdu fi flat ta’ Tas-Sliema. Fl-appartament it-tifla allegatament ġiet stuprata minn Dany, l-eks għarus tagħha. Irrappurtaw ukoll li r-raġel maħtuf imbagħad ġie msawwat mill-irġiel l-oħra.
Meta l-ħamest irġiel kienu tressqu l-Qorti, wieħed mill-akkużati, plejer tal-futbol ta’ 17-il sena mat-tim nazzjonali Belġjan ta’ taħt it-18-il sena, kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih – li kienu jittrattaw esklussivament dwar ġrieħi, filwaqt li l-oħrajn wieġbu mhux ħatja. .
F’digriet li ngħata dalgħodu, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo tat il-libertà proviżorja lil Dany, Arnaud, Ndomba u lill-akkużat l-ieħor ta’ 17-il sena kontra depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €50,000 kull wieħed.
Id-digriet tal-pleġġ jirrikjedi li l-akkużati jċedu l-passaporti tagħhom, joqogħdu fl-istess indirizz fl-Imsida u josservaw curfew.
L-Ispettur Omar Zammit qed imexxi l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono, Stefano Filletti, Jason Azzopardi, Gianluca Cappitta, Jose Herrera u Matthew Xuereb huma avukati difensuri.