Silvio Grixti jissemma’ f’żewġ każijiet il-Qorti dwar l-iskandlu tal-benefiċċji

Il-każijiet jikkonċernaw total ta’ €53,000 f’benefiċċji soċjali li allegatament ingħataw lil nies li mhux intitolati għalihom

Silvio Grixti, eks-Deputat Parlamentari Laburist u tabib tal-familja, issemma’ f’żewġ każijiet fil-Qorti dwar l-iskandlu tal-benefiċċji.

Bejniethom, il-każijiet jikkonċernaw total ta’ €53,000 f’benefiċċji soċjali li allegatament ingħataw lil nies li mhux intitolati għalihom. Grixti ssemma’ bħala t-tabib li provda ċ-ċertifikati mediċi foloz li permezz tagħhom dawn setgħu japplikaw għall-benefiċċji.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Michael Tabone, qal quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li l-ewwel akkużata kienet irċeviet aktar minn €25,000 bi frodi.

It-tabiba tal-moħħ Ruth Galea, waqt ix-xhieda tagħha, kienet preżentata ċertifikat allegatament iffirmat minnha favur l-akkużata. Galea wieġbet li la ħarġet iċ-ċertifikat u lanqas qatt ma ltaqgħet mal-akkużata. “Il-mod kif miktub mhux il-mod li bih issoltu nikteb iċ-ċertifikati.”

Minkejja dan, stqarret li l-firma kienet simili tal-firma tagħha, u l-ittra minn Mater Dei dehret awtentika.

“Jiena nżomm rendikont ta’ kollox. Meta fittixt isem u n-numru tal-karta tal-identità tal-akkużata ma sibt xejn,” żiedet it-tabiba.

It-tabiba Valerie Anne Fenech tat ix-xhieda tagħha wara.

Il-prosekuzzjoni staqsietha jekk għarfitx lil xi ħadd fl-awla, iżda hi wieġbet li le. Hi kienet preżentata b’dokument li ffirmat, bin-numru tar-reġistrazzjoni tagħha, flimkien mal-firma ta’ tabiba oħra, Raisa Said.

Fenech saħqet li ma kellhiex konnessjoni mal-każ, u lanqas ma ħadmet mal-konsulent inkarigat meta ħareġ iċ-ċertifikat lura fl-2016.

L-Ispettur Tabone talab lill-Qorti sabiex taħtar espert tal-kaligrafija sabiex iqabbel il-firma ta’ Raisa Said ma oħra tagħha fuq applikazzjoni fl-istess document, datat 21 ta’ Novembru 2018, li allegatament kien iffirmat minn Silvio Grixti. Dan sabiex ikun stabbilit jekk il-firma saritx mill-istess persuna li ffirma f’isem Grixti, u sabiex ikun verifikat jekk kinitx l-akkużata stess li ffirmat.

L-avukat difensur Alex Miruzzi informa l-Qorti li l-firma fuq id-dokument kienet tal-akkużata, “sabiex ikunu evitati spejjes żejda marbutin mal-każ.”

Il-prosekuzzjoni tablet li xorta waħda jinħatar espert, sabiex id-dikkjarazzjoni tal-akkużata tkun verifikata.

Il-każ ġie aġġornat għal aktar tard dan ix-xahar, filwaqt li l-Maġistrat ħabret li deċiżjoni fuq din it-talba se tingħata aktar tard.

F’seduta oħra quddiem l-istess Maġistrat, raġel ta’ 35 sena wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ frodi rigward benefiċċji soċjali.

L-Assistant Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali Martin Buhagiar qal lill-Qorti li l-akkużat applika għall-benefiċċji billi uża ċertifikat iffirmat minn Grixti, li jgħid li l-akkużat ibati minn kundizzjonijiet serji. Permezz ta’ dan, hu beda jirċievi €104.58 fil-ġimgħa, għal total ta’ €28,000.

Apparti l-firem ta’ Grixti, ċertifikat ieħor li kien sottomess lill-bord lura f’Ottubru tal-2019 jidher li ġie maħruġ minn Mater Dei, iffirmat minn Ruth Galea.

L-Ispettur ta xhieda fejn qal li l-Pulizija kienu nfurmati minn Jason Azzopardi li kellu suspett li ċertu nies kienu qed jużaw ċerifikati foloz sabiex jieħdu l-benefiċċji.

Wara investigazzjoni, wieħed minn dawk li kienu arrestat qal lill-Pulizija kif Grixti kien dak li ħariġlu ċ-ċertifikat.

Dawn iċ-ċertifikati kienu foloz, b’Galea tgħid li qatt ma tkellmet mal-akkużat.

L-akkużat offra li jħallas lura l-flus, b’€50 kull xahar, iżda d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali saħaq li l-ammont kien wisq baxx.

Il-Qorti ddikkjarat li kien hemm biżżejjed evidenza sabiex l-akkużat ikun imressaq, bid-deċiżjoni issa f’idejn l-Avukat Ġenerali.

L-avukat Maria Karlsson dehret għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija