Raġel ingħata sentenza ta’ erba’ xhur priġunerija wara li nqabad juża karta tal-identità falza li xtara minn fuq l-internet sabiex jaqbad titjira.
Ir-raġel, żgħażugħ ta’ 19-il sena mill-Eġittu residenti ż-Żurrieq, kien imressaq mill-Ispettur Frankie Sammut quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, akkużat li prova jagħmel użu minn passaport falz, u li għamel dikjarazzjoni falza quddiem l-Uffiċċjal tal-Immigrazzjoni Ewlieni.
Iż-żgħażugħ kien arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta il-Ħamis 5 ta’ Settembru wara li prova jaqbad titjira lejn l-Italja. Il-karta tal-identità hija maħsubha li nxtrat mit-Turkija.
Id-difiżà, komposta mill-avukat Nicholas Mifsud u l-prokuratur legali Colin Galea, talbu sabiex jiddiskutu fil-privat mal-Maġistrat. X’ħin irritornaw, huma wieġbu ħati għall-akkużi, liema ammissjoni ġiet ikkonfermata mill-imputat.