Operazzjoni tal-Pulizija twassal għal sejbiet ta' drogi u flus kontanti fost l-oħrajn

L-operazzjoni tal-Pulizija tard it-Tnejn filgħaxija waslet għal sejba ta' droga lesta għat-traffikar, eluf ta' ewro fi flus kontanti u 67 persuna jgħixu f'Malta b'mod illegali

It-Tnejn filgħodu, il-Pulizija wettqet operazzjoni kbira kontra t-traffikar tad-droga, kriminalità organizzata, prostituzzjoni u immigrazzjoni rregolari.

L-operazzjoni, li saret bl-involviment ta' diversi sezzjonijiet tal-Pulizija, bdiet ftit wara t-8:00pm u baqgħet għaddejja sas-1:00am, fejn il-Pulizija ffukat fuq stabbilimenti, remissi u residenzi fil-Marsa, il-Ħamrun u n-Naxxar.

Wara jiem ta' investigazzjonijiet u osservazzjonijiet fuq ir-remissi fi Triq il-Ġerrejja fil-Marsa, il-Pulizija ċċirkondat remissa hekk kif issuspettaw li kienet qed tintuża għall-bejgħ tad-droga. Hawn ġie arrestat raġel u saret tfittxija fuq il-post, fejn instabu 385 qartas kokaina; 250 qartas eroina; u 45 qartas ta’ kannabis sintetika, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbiegħu. 

Fuq il-post instabu wkoll ammont konsiderevoli ta' flus kontanti, mutur misruq, numru ta' mobiles, u affarjiet oħra relatati mat-traffikar tad-droga.

L-operazzjoni tal-Pulizija kienet tikkonċerna wkoll l-immigrazzjoni rregolari, fejn wara spezzjonijiet ġew arrestati 67 persuna li kienu qed jgħixu f'Malta b'mod illegali. Dawn ittieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni u beda proċess biex jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jew f'pajjiż ieħor li jistgħu jgħixu fih legalment.

Apparti dan. sar arrest marbut mal-prostituzzjoni, fejn ġew ikkonfiskati mal-€4,600 fi flus kontanti. 

B'rabta mal-operazzjoni fil-Marsa, saret tfittxija f'residenza oħra fin-Naxxar, fejn il-Pulizija sabet mal-€10,500 fi flus kontanti, u pew ikkonfiskati żewġ vetturi, ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta fost l-oħrajn.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana ġie infurmat bil-każ u qiegħed imexxi inkjesta.

More in Qrati u Pulizija