Żewġ żgħażagħ ta' 16-il sena jingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li attakkaw u serqu delivery man

Fir-reat intuża martell li allegatament ikkawża ħsara fi snien il-vittma

Żewġ żgħażagħ ta’ 16-il sena ingħataw il-ħelsien mill-arrest sakemm tinqata’ s-sentenza fil-konfront tagħhom, wara li dawn ħebbew delivery man tal-ikel b’martell. Wara, serqulu l-mutur u l-mowbajl, u ħarbu minn fuq il-post bl-istess mutur.

L-Ispettur James Mallia ressaq lil dawn iż-żgħażagħ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, fuq akkużi ta’ serq aggravat, li żammew persuna kontra r-rieda tiegħu, li kkawżawlu ġrieħi, kif ukoll attentat ta’ ġrieħi gravi, fost oħrajn.

Il-każ seħħ fil-parkeġġ tal-karozzi barra l-grawnd tal-futbol ta’ Marsaxlokk.

Il-vittma baqa sejjer jagħmel rapport l-għassa, fejn qal li hu kien aggredit u misruq. Hu allega li wieħed miż-żgħażagħ tah daqqa ta ponn, u l-ieħor daqqa ta' martell, li kkawżatlu ħsara fi snienu.

Il-Pulizija sabu min kienu l-aggressuri billi ċċekkjaw minn fejn kienet saret l-ordni. Wieħed miż-żgħażagħ inizzjalment qal li kien jgħix barra, iżda ftit wara tfaċċa l-għassa m’ommu u mal-avukat tiegħu.

L-interrogazzjoni wasslet lill-Pulizija għal dar abbandunata fejn instab il-mutur li kien diġa nżebagħ kulur different. Mallia saħaq li dan juri li r-reat kien ippjanat.

Iż-żgħażugħ wara kixef l-identità tal-aggressur l-ieħor. Iż-żewġ imputati wieġbu ħatja għall-akkużi kollha.

L-avukati tad-difiża talbu sabiex iż-żewġ minuri jibqgħu taħt sorveljanza, sabiex ikunu evitati inċidenti oħra ta’ din ix-xorta, filwaqt li rrakkomandaw probation wara li nnotaw il-koperazzjoni tal-imputati.

Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest u ġew ordnati jiffirmaw l-għassa darbtejn kull ġimgħa. Din fuq kundizzjoni ta’ €200 depożitu u €10,000 garanzija personali.

L-avukati Veronique Dalli, Dean Hili u Amadeus Cachia dehru għall-akkużati.

More in Qrati u Pulizija