Raġel inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li attakka u weġġa' b'mod gravi raġel ieħor fil-Marsa il-Ħadd li għadda.
Din mhix l-ewwel darba li l-akkużat xellef difrejh mal-ġustizzja, hekk kif ħames snin ilu, l-istess raġel kien akkużat ukoll li stupra tifla ta' 14-il sena u ġegħla tipprostitwixxi ruħha.
Ir-raġel, li qal li huwa m'għandux dar u jgħix barra, it-Tlieta kien akkużat li ġarrab ġrieħi fuq raġel ieħor li ħallew effetti permanenti fuqu, kif ukoll li insulta u hedded l-allegat vittma, filwaqt li allegatament uża scooter bla liċenzja fit-triq.
Huwa mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet ta-ħelsien mill-arrest fuq każ li jmur lura għall-2018, hekk kif kien mixli li stupra u traffika tifla ta' 14-il sena, kif ukoll li għex minn fuqha hekk kif kien ġegħla tipprostitwixxi ruħha. Dan il-każ kien meqjus bħala wieħed mill-agħar każijiet ta' prostituzzjoni ta' minuri f'pajjiżna.
Fil-Qorti, l-imputat qal li xtaq jammetti għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-kundizzjoni li jispjega ruħu f'seduta oħra. Hawn, il-Maġistrat u d-difiża tal-akkużat spjegawlu li jekk iwieġeb ħati mhux se jkun hem seduta oħra, hekk kif jekk jammetti, huwa jingħata s-sentenza dak il-ħin.
Għalhekk, id-difiża spjegat li jekk huwa jwieġeb li huwa ħati, ikun qed jagħmel dan kontra l-parir tal-avukat tiegħu.
L-imputat, finalment wieġeb li mhux ħati, u ebda talba għall-ħelsien mill-arrest ma saret, għalhekk, inżamm taħt arrest.