Il-Qorti ċaħdet l-appell kontra proġett massiċċ ta’ DB Group fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Pembroke, liema deċiżjoni tal-Qorti tfisser li l-permess li ngħata mill-Awtorità tal-Ippjanar huwa validu.
Dan minkejja r-reżistenza minn tliet Kunsilli Lokali u numru ta’ għaqdiet mhux governattivi.
Din id-deċiżjoni tagħti permess lil DB Group biex itellgħu tliet torrijiet fis-sit tal-ITS l-antik, liema torrijiet se jitilgħu sa 17, 16 u 12-il sular, li se jinkludu appartamenti, lukanda u spazju kummerċjali.
Dan il-proġett ilu miżgħud b'kontroversji u oġġezzjonijiet għal snin twal. Fl-2017 meta DB Group issottomettew l-ewwel applikazzjoni għal dan il-proġett, kien hemm oppożizzjoni kbira minn numru ta' għaqdiet mhux governattivi, kunsilli lokali u residenti, flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, Simon Busuttil.
Fl-2019, il-Qorti rrivokat il-permess tal-proġett, wara li ġie żvelat li membru fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kien ukoll direttur f'waħda mill-aġenziji tal-proprjetà involuta fil-proġett. Sena wara, DB Group ippreżentaw il-pjanijiet għall-proġett preżenti.
Il-proġett sab aktar reżistenza minn għaqdiet u kunsilli lokali tul is-snin, sakemm illum inqatgħet din id-deċiżjoni fil-Qorti.
Fuq Facebook, il-Moviment Graffitti stqarr li, “Illum ninsabu diżappuntati ferm biċ-ċaħda tal-appell tagħna fil-Qorti kontra l-mostru tad-DB Group. Minkejja dan, xorta waħda naħsbu li l-ġlieda ta’ eluf ta’ residenti, tliet Kunsilli Lokali u ħafna għaqdiet kellha valur kbir.”
Huma ddeskrivew dan l-iżvilupp bħala wieħed oxxen li se jidfen lir-residenti ta’ Pembroke taħt it-torrijiet, filwaqt li tefgħu r-responsabbilità għal dan il-proġett fuq il-Gvern, l-awtoritajiet tal-Gvern u l-politiki tal-ippjanar.
“Bħalissa qed niflu d-deċiżjoni tal-Qorti u nikkunsidraw azzjonijiet legali oħra sabiex inwaqqfu dan il-monument għar-regħba. Il-ġlieda tkompli,” temmet l-istqarrija tal-Moviment Graffitti.
Intant, fuq Facebook DB Group laqgħu id-deċiżjoni tal-Qorti, hekk kif stqarru li din iġġib tmiem għal tmien snin ta' skrutinju minn diversi qrati, tribunali u awtoritajiet.
"Dan kien wieħed mill-aktar proġetti skrutinizzati fl-istorja lokali, u l-verità finalment rebħet", temm jgħid DB Group.