Jinżamm arrestat wara li allegatament attakka lill-ġar minħabba l-istorbju

Minħabba l-fatt li l-imputat huwa suldat, il-Prosekuzzjoni nnutat li huwa allegatament wettaq reat li għandu d-dmir jipprevjeni, u għalhekk qieset dan il-każ bħala wieħed serju

Raġel ta’ 37 sena minn Ħal Safi nżamm arrestat, wara wieġeb mhux ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq il-ġar tiegħu waqt ġlieda marbuta mal-istorbju.

Huwa ġie mixli li fit-28 ta’ Mejju, huwa weġġa b’mod gravi lill-ġar tiegħu mill-Filippini fil-preżenza ta’ persuna minuri, kif ukoll li bħala suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, allegatament wettaq reat li suppost kellu jipprevjeni.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat u l-allegat vittma jgħixu fl-istess blokka ta’ appartamenti, u l-argument kien beda’ minħabba storbju. Il-Prosekuzzjoni spjegat li wara li l-allegat vittma qal lill-Pulizija li l-persuna li attakkah kien jgħix fl-istess blokka ta’ appartamenti, huma marru fuq l-imputat, li allegatament ammetta li kien hu li attakka l-ġar tiegħu.

Id-difiża nfurmat lill-Qorti li l-akkużat se jkun qed iwieġeb li mhux ħati għal dawn l-akkużi, u li dan kien każ fejn l-akkużat iddefenda lilu nnifsu. Għalhekk, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, hekk kif innutat li l-imputat huwa akkużat b’reati serji, u minħabba li l-imputat jgħix viċin l-allegat vittma, hemm riskji sinifikanti ta’ intralġ tal-provi. Meta l-Prosekuzzjoni rrimarkat li r-raġel sofra ġrieħi gravi, id-difiża qrat ir-rapport mediku, hekk kif innutat li dan juri kif il-ġrieħi kienu ħfief.

Id-difiża spjegat li l-allegat vittma kien ilu żmien twil jagħmel l-istorbju, u meta l-imputat ikkonfrontah, ġie attakkat, u ddefenda lilu nnifsu.

Il-Qorti nnutat li minħabba li ż-żewġ persuni huma ġirien, hemm dubji serji dwar jekk l-imputat jistax iżomm bogħod mill-persuna l-oħra, u għalhekk, ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest. 

Id-difiża talbet ukoll li isem Bugeja ma jixxandarx fil-midja, liema talba ma sabet ebda oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni. Minkejja dan, il-Maġistrat innota li s-sistema ġudizjarja Maltija hija waħda li tippermetti liċ-ċittadini jsegwu l-proċeduri fil-Qorti.

Għalhekk, il-Qorti ċaħdet ukoll din it-talba ta’ Bugeja.

More in Qrati u Pulizija